Valletta Film Festival, Malta Fashion Awards, is-Soċjetà Mużikali Beland, u L-Għanja tal-Poplu.
Dawn huma uħud minn organizzazzjonijiet volontarji kulturali li tul is-snin ibbenefikaw mill-programm ta’ investiment għall-organizzazzjonijiet kulturali mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Fil-Belt Valletta, ġie mniedi t-tieni programm ta’ din ix-xorta, programm li se jara li jiġu investiti f’għaqdiet volontarji tlett mitt elf ewro kull sena għal tliet snin.
Permezz ta’ dan il-programm l-organizzazzjonijiet li japplikaw għall-fondi se jkunu jistgħu jiżviluppaw u jagħmlu l-attivitajiet tagħhom, filwaqt li jwasslu l-għanjiet tal-Istrateġija 2025 tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Fit-tnedija ta’ dan il-programm, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti, Owen Bonniċi, ħabbar li mill-bidu ta’ dan il-programm sa issa, l-għaqdiet kulturali bbenefikaw sa tliet miljun ewro.
Huwa spjega b’mod prattiku xi jfisser dan il-programm għall-għaqdiet kulturali.
“Entità li tgawdi minn dan il-fond taf li se tgawdi minn fondi għal tliet snin infila, u din ittiha flessibilità kbira anke meta tagħmel l-avvenimenti tagħha, tkun tista’ tippjana min quddiem, tkun tista tinnegozja mas-suppliers prezzijiet aħjar, li hija xi ħaġa tajba ħafna. Min-naħa tagħna aħna noffru mentoring, biex il-prodott kulturali jkompli jitjieb.”
Intant, id-Direttur tal-Fondi u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, qalet li dan il-programm jimxi id f’id mal-prinċipji tal-Kunsill Malti għall-Arti: dak ta’ Isma, Oħloq, Imraħ.
Hija spjegat li minkejja l-massimu ta’ tliet mitt elf ewro fis-sena, il-Kunsill għaddej b’ħidma sabiex l-imsieħba jinvestu u jżidu dawn il-fondi għall-benefiċċju ta’ għaqqdiet oħra.
Fost dawk li se jkunu qed jikkontribwixxu għal aktar fondi, hemm Festivals Malta, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta.
“Dawn se jkunu qed jindirizzaw proġetti li eventwalment japplikaw għall-fond, li jkunu qed jindirizzaw l-għanijiet tagħhom bħala aġenziji u bħala entitajiet. Għalhekk se jingħataw top-up ta’ finanzjament bażikament u se jkunu qed jiżdiedu t-tliet mitt elf. B’dak il-mod, aħna min-naħa tal-kunsill, inkunu nistgħu ngħinu għaqdiet oħrajn.”