Il-Gvern reġa’ ħabbar skema oħra sabiex il-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jkomplu jtejbu l-aċċessibbiltà u kwalita tal-libreriji lokali u reġjonali.
F’konferenza stampa mill-bini tal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid, is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal alloka €95,000 lill-Kunsilli biex jixtru aktar kotba għal-libreriji tagħhom.
Huwa ħabbar ukoll li matul is-sena d-dieħla l-Gvern se jniedi diversi skemi oħra li bejniethom se jagħtu mal-€5 miljun oħra.
![Owen Bonnici u Silvio Parnis](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2019/12/17140650/Owen-Bonnici-u-Silvio-Parnis-585x405.jpeg)
![Owen Bonnici](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2019/12/17140644/Owen-Bonnici-585x267.jpeg)
![pr192624c](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2019/12/17140612/pr192624c-585x405.jpg)
![pr192624d](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2019/12/17140607/pr192624d-585x405.jpg)
Sostna li dawn l-iskemi huma intiżi sabiex il-Kunsilli Lokali jwettqu għadd ta’ proġetti u inizjattivi ġodda fl-ibliet u l-irħula Maltin.
Is-Segretrju Parlamentari Silvio Parnis stqarr: “Illum kienet skema li kien involut ukoll il-privat, fejn il-kumpanija Norwex tat flus biex xtraw kotba lill-kunsilli lokali. Barra minn hekk illum konna qegħdin nagħtu €95,000 lill-kunsilli lokali biex ikunu jistgħu jirranġaw il-libreriji tagħhom.”
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici tenna li l-libreriji huma importanti ħafna għat-tessut tas-soċjetà u fakkar kif permezz tal-ewwel skema bbenefikaw 39 lokalità u reġjun wieħed. Huwa sostna: “Il-libreriji fil-lokalitajiet huma postijiet importanti ħafna għal diversi nies. Anzjani, tfal u żgħażagħ li jmorru jieħdu kotba mil-libreriji. Kultant il-politika mhux dwar proġetti li jiswew il-miljuni imma proġetti bħal dawn li bihom inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti Maltin u Għawdxin.”
Fi tmiem il-konferenza, is-Segretarju Parlamentari Parnis u l-Ministru Bonnici qassmu kotba b’tema ambjentali lid-diversi rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali.