Youth Engage Scheme, hija skema ġdida li permezz tagħha żgħażagħ b’abbiltajiet differenti se jkunu qed jingħataw esperjenza ta’ xogħol ma’ għaqdiet volontarji, u li permezz tagħhom iż-żgħażagħ jintegraw fis-soċjetà.
F’din l-iskema se jieħdu sehem sitt għaqdiet volontarji, li flimkien se jagħtu opportunità lill-15-il żagħżugħ u jipprovdu ambjent sigur lill-parteċipanti ħalli jtejbu l-esperjenzi tax-xogħol tagħhom, u jkomplu jesploraw il-kwalitajiet tagħhom.
Iż-żgħażagħ se jkunu qed jingħataw ukoll stipendju fix-xahar.
Din l-iskema li se tkun immexxija mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju flimkien mas-Servizzi taż-Żgħażagħ fi ħdan l-FSWS, li t-tnejn iffirmaw ftehim biex tkun tista’ tibda titħaddem din l-iskema.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli Julia Farrugia Portelli qalet li din l-iskema ġdida hija inklużjoni fil-prattika u se toffri pjattaforma ugwali fid-dinja tax-xogħol għal dawn iż-żgħażagħ.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon faħħar din l-inizjattiva u fissirha bħala tarġa biex tindirizza faxex soċjali li jistgħu jkunu iktar vulnerabbli minn oħrajn.