Għall-ewwel darba f’Għawdex, il-Ministeru għal Għawdex qed iniedi skema ġdida sabiex jassisti lill-Kunsilli Lokali Għawdxin jirrestawraw siti storiċi f’Għawdex.
Dan ħabbritu l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana waqt it-tnedija ta’ din l-iskema li għandha l-għan ewlieni li tinċentiva lill-Kunsilli Lokali Għawdxin jiddentifikaw siti storiċi fil-lokalitajiet tagħhom li jistgħu jiġu restawrati. Ir-rata ta’ ko-finanzjament għal dawn il-proġetti hi ta’ 90% mill-Ministeru għal Għawdex u 10% mill-Kunsill Lokali. L-għajnuna massima li tista’ tingħata għal kwalunkwe proġett mill-Ministeru għal Għawdex ser tkun ta’ EUR 10,000.
Il-Ministru Justyne Caruana ħeġġet lill-Kunsilli Lokali Għawdxin sabiex jieħdu vantaġġ minn din l-iskema li permezz tagħha ser ikunu jistgħu jsiru interventi partikolari biex jiġi preservat il-wirt kulturali ta’ pajjiżna. “Madwar Għawdex kollu nsibu diversi siti ta’ valur storiku u importanti u għaldaqstant huwa d-dmir tagħna li nagħmlu dak kollu possibbli biex insalvawhom u nippreservawhom kemm għalina kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet li jiġu warajna”, qalet il-Ministru Caruana.
Il-Kunsilli Lokali interessati għandhom jissottomettu l-applikazzjoni sa mhux aktar tard minn nofsinhar tal-Ġimgħa l-1 ta’ Diċembru 2017 filwaqt li għal kull informazzjoni meħtieġa kif ukoll biex jinkisbu l-linji gwida u l-kriterji jista’ jsir kuntatt billi tintbagħat e-mail fuq: ecogozo@gov.mt.