Fil-bini tal-kumpanija IBG Automation f’Ħal Far, tnediet skema ġdida li tiffaċilita l-proċessi ta’ innovazzjoni għall-intrapriżi żgħar u medji.
L-iskema INNOVATE, se tkopri parti mill-ispiża biex persuna minn organizzazzjoni ta’ riċerka, tkun mislufa għal perjodu ta’ żmien ma’ intrapriża, biex twassal għall-proċess ta’ innovazzjoni meħtieġ.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, spjega kif l-għajnuna tista’ tingħata wkoll għal konsultazzjonijiet jew sistemi ta’ sapport online.
Qal, “Permezz tal-assistenza tagħna li tista’ titla sa mitt elf ewro, kumpaniji żgħar u medji jistgħu jqabbdu riċerkaturi għal pariri u assistenza anki minn universitajiet u istituti ta’ riċerka biex ikunu jistgħu jagħmlu innovazzjoni fil-proċessi tagħhom f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-kumpanija biex tkun aktar innovattiva u timxi dak il-pass ’il quddiem biex finalment tkun iktar kompetittiva fis-swieq lokali u internazzjonali.”
Din l-iskema tħabbret waqt żjara li l-Ministru għall-Intrapriża, Miriam Dalli, għamlet fil-kumpanija IBG Automation, li twettaq proġetti ta’ riċerka u żvilupp għal klijenti ta’ diversi kumpaniji bbażati f’Malta.
Bl-għajnuna tal-Malta Enterprise, din il-kumpanija se tinvesti mal-erba’ mitt elf ewro f’investimenti ġodda ta’ makkinarju biex tkompli ssaħħaħ l-operat tagħha.
Dan se jwassal biex tirdoppja l-impjiegi sas-sena d-dieħla.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija tkellem dwar l-għajnuna imprezzabbli li dejjem sabu mingħand il-Malta Enterprise, speċjalment fil-pandemija.
Qal, “The first steps were very interesting and Malta Enterprise gave us a lot of support in getting contacts and some interesting employees and I also think that the support around the financial systems was very good.”
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li investiment bħal dan huwa turija ta’ fiduċja li kumpaniji barranin għandhom f’Malta, li se jagħti kontribut lill-ekonomija Maltija fl-istess ħin li jwassal ukoll għal żieda fl-impjiegi u x-xogħol ta’ kwalità.
Appellat lil intrapriżi oħra biex jimxu fuq il-passi ta’ IBG Automation.
Qalet, “Dawk il-kumpaniji li għandhom bżonn l-għajnuna ħalli jkunu jistgħu jinvestu aktar fir-riċerka u fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni, inkunu qegħdin nagħtu l-għajnuna tagħna lilhom biex jagħmlu proprju dan.”