Għall-ewwel darba ġew imnedija sitt Strateġiji Kulturali għar-Reġjuni, wieħed għal kull Reġjun f’pajjiżna.
Dawn l-istrateġiji ġew żviluppati mir-Reġjuni nnifishom taħt it-tmexxija tal-Kunsill Malti għall-Arti flimkien mad-Diviżjoni tal-Ggvern Lokali u l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali Malta.
Kull strateġija tiffoka fuq ir-Reġjun speċifiku tagħha u jiffukaw fuq it-temi kulturali u l-prijoritajiet l-aktar importanti għar-reġjun innifsu, minn din is-sena ‘il quddiem.
L-istrateġiji ġew żviluppati abbażi ta’ tliet temi ewlenin għall-kultura, li huma l-iżvilupp tat-talent, l-involviment tal-udjenza, u l-innovazzjoni tal-wirt storiku.
Waqt it-tnedija tal-istrateġiji, il-Ministru għall-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici qal li l-arti u l-kultura huma kruċjali għall-kwalità tal-ħajja. Fil-fatt, huwa fakkar fi żmien tal-pandemija meta l-attivitajiet kulturali madwar pajjiżna ħadu pawża, u nnota kif f’dak iż-żmien kulħadd ħass sew in-nuqqas ta’ dawn is-setturi.
Spjega kif l-istrateġiji tfasslu flimkien minn diversi msieħba soċjali, fosthom il-prattikanti kulturali u r-residenti tal-lokalitajiet, b’hekk ġew immassimizzati l-potenzjal tar-Reġjuni u s-setturi kulturali u kreattivi.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, ddeskriviet dawn l-istrateġiji bħala l-gwida sabiex ikun aċċertat li l-programmi kulturali jkunu mfassla b’mod li jiċċelebraw it-tradizzjonijiet, talenti u karatteristiċi kulturali ta’ kull lokalità.