Wara t-tnedija tas-Soċjetà tal-Kostumi Hanfu fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta nhar il-Ġimgħa li għaddiet, id-dilettanti tal-kultura Ċiniża f’Malta issa għandhom l-opportunità li jiskopru aktar informazzjoni u kurżitajiet dwar il-kostumi Hanfu, stil tradizzjonali li jintlibes mill-poplu Han.
Il-Hanfu deher fiċ-Ċina aktar minn 3,000 sena ilu u huwa maħsub li kien jintlibes mill-Imperatur Isfar leġġendarju, sultan għaqli kbir taċ-Ċina tal-qedem. Il-ħwejjeġ tal-Hanfu huma kkaratterizzati minn ilbies ħafif, ħafna drabi bi kmiem wesgħin u b’disinji elaborati u kkomplikati. L-istili jistgħu jvarjaw skont is-sess ta’ min jilbishom, l-istatus soċjali u l-perjodu storiku li jkun qed jiġi rappreżentat. Illum, l-istil Hanfu ġie skopert mill-ġdid minn aktar u aktar nies fiċ-Ċina, speċjalment mill-ġenerazzjoni żagħżugħa li qed tagħżel li tilbes dawn il-ħwejjeġ bħala sinjal ta’ kburija u għożża għall-identità nazzjonali.
Yu Cheng, li hija responsabbli mit-tmexxija tas-Soċjetà tal-Kostumi Hanfu, ilha tgħix Malta għal dawn l-aħħar ħames snin. Bħala kollezzjonista tal-kostumi Hanfu, hija għandha aktar minn 40 sett li jinkludu stili mid-Dinastija Han tal-Punent, mid-Dinastija Tang, mid-Dinastija Song, u mid-Dinastija Ming. Madwar nofs il-kollezzjoni tagħha nħadmet apposta għaliha, b’biċċiet minnhom li saru mill-ħarir u ġew ippreparati minn nies li għadhom jipprattikaw din is-sengħa antika li tmur lura aktar minn 2,500 sena.
Yu Cheng tħobb tilbes dawn il-kostumi meta toħroġ tixtri jew għal xi passiġġata, u tħossha kburija meta tara n-nies iħarsu lejn il-ħwejjeġ tradizzjonali tagħha u jammirawhom. Issa, il-kollaborazzjoni tagħha maċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta qiegħda toħloq opportunità ġdida hekk kif barra li jiskopru aktar dwar dan l-istil, ċerti individwi se jkollhom iċ-ċans li jilbsuhom ukoll ħalli jesperjenzaw il-kultura Ċiniża aktar mill-qrib.
“Din l-inizjattiva mistennija tkompli ttejjeb l-iskambji kulturali bejn iċ-Ċina u Malta u turi r-rikkezza tal-kultura tradizzjonali Ċiniża,” qalet Yuan Yuan, Direttur taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta waqt dan l-avveniment.
“Din hija l-opportunità tiegħi biex nipparteċipa b’mod attiv fil-promozzjoni tal-kultura Ċiniża lill-komunità lokali f’Malta, bili ngħin biex aktar nies jifhmu u jħobbu l-kultura Ċiniża permezz tal-attrazzjoni tal-ilbies tradizzjonali Ċiniż,” qalet Yu Cheng.
L-ewwel attività tas-Soċjetà tal-Kostumi Hanfu se ssir fl-24 ta’ Frar fil-Belt Valletta waqt il-Festival tal-Fanali li jimmarka t-tmiem taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena Ċiniża tal-2024. Mudelli voluntiera tfajliet u nisa huma mistiedna jilbsu dawn il-kostumi raffinati ta’ Hanfu waqt parata li se tiġi organizzata. Dawk li huma interessati f’dan l-avveniment jistgħu jirreferu għal aktar dettalji fuq il-paġna ta’ Facebook taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta.