Fl-Università l-Antika, il-Belt, tnediet is-sitt fażi tal-kampanja Be Smart Online, liema kampanja timmira li tgħallem u twissi lill-pubbliku dwar il-perikli assoċjati mal-użu tal-internet.
Din il-kampanja li ilha għaddejja mill-elfejn u għaxra, se tkun immexxija mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali bħala s-sieħeb ewlieni tagħha. Fiha se jagħtu l-kontribut tagħhom ukoll l-Aġenzija Sedqa u l-Aġenzija Appoġġ fost l-oħrajn.
Fit-tnedija tal-kampanja, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti qal kif tul is-snin, il-kampanja kienet waħda ta’ suċċess kbir, iżda t-triq ‘il quddiem hija waħda li ġġib magħha diversi sfidi.
Huwa qal li din mhijiex l-ewwel kampanja tat-tip tagħha u ċertament mhix se tkun l-aħħar hekk kif diġà hemm pjanijiet għas-seba’ edizzjoni ta’ din il-kampanja.
Qal, “Be Smart Online hija storja ta’ suċċess li issa daħal fis-sitt edizzjoni tiegħu, din hija s-sitt edizzjoni. Din hija kampanja li għandha sa Marzu elfejn u tnejn u għoxrin, u wara nkomplu bi Be Smart Online 7 nqajmu għarfien fost il-pubbliku ġenerali, però speċjalment fost it-tfal u ż-żgħażagħ biex ikunu attenti xi jtellgħu fuq l-inertnet u l-midja soċjali. ”
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarjiet kien hemm ukoll il-Ministru għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, li sostna kif it-teknoloġija ġġib magħha bidla u vantaġġi kbar, iżda xorta waħda għandna niddefendu lit-tfal kontra l-perikli li ġġib id-dinja tal-internet.
Huwa stqarr kif din il-kampanja hija pass ‘il quddiem lejn użu ta’ teknoloġija aktar sigur għal kulħadd.
Qal, “L-iskop ta’ din il-kampanja u dan l-eżerċizzju hu li naraw li t-teknoloġija, f’dal-każ l-internet u dawn l-affarjiet kollha ma jintużawx b’mod li jistgħu jagħmlu ħsara lil ħaddieħor, eżempju jekk qed nitkellmu fuq abbuż tat-tfal, cyber stalking, cyber bullying u tant affarjiet oħra li żgur li min ħoloq dik it-teknoloġija ma kellux dak l-iskop f’moħħu. ”