Tnediet is-sitt edizzjoni tal-Gozo Ceramics Festival, li għal darb’oħra, se jsir fil-bajja tax-Xlendi nhar is-Sibt 4 ta’ Awwissu. Il-Ministru Justyne Caruana, li kienet preżenti għat-tnedija, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li dan il-festival stabilixxa ruħu fil-kalendarju kulturali vast li joffri Għawdex.
Dan il-festival qed isir b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali tal-Munxar u l-Uffiċċju tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Waqt dan il-festival ser ikun hemm diversi ċeramisti li ser ikunu qed jaħdmu x-xogħlijiet tagħhom u diversi esibizzjonijiet ta’ xogħlijiet fiċ-ċeramika. Ser ikun hemm ukoll spazju hands–on biex it-tfal ikunu mħeġġa jaħdmu ċ-ċeramika. Il-Ministru Caruana qalet li festival bħal dan jagħti valur miżjud lil din il-bajja li hi ffrekwentata minn ħafna persuni matul is-sajf.
Il-Ministru Caruana qalet li din hi attività oħra li se tkun attrazzjoni biex ikompli jissaħħaħ it-turiżmu intern u aktar Maltin u turisti jqattgħu tmiem il-ġimgħa f’Għawdex. Il-Ministru Caruana qalet li l-investiment li qed isir min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex qed iħalli l-frott mixtieq għaliex in-numru ta’ persuni li qed ifittxu lil Għawdex qed jiżdied.