Permezz ta’ White Paper li se tkun miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika, il-Gvern nieda riforma fil-qasam tar-raba’.
Kien il-Prim Ministru, Robert Abela, li nhar il-Ħadd li għadda ħabbar li l-Gvern kien se jniedi din ir-riforma, li hija waħda mill-akbar miżuri ambjentali fl-aħħar snin.
Din ir-riforma qed issir bħala parti mill-Politika Nazzjonali għall-Agrikoltura sal-2028 u wkoll fid-dawl tal-fatt li l-pandemija u l-invażjoni tal-Ukrajna wrew aktar minn qabel l-importanza tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel.
Fil-fatt, il-proposti fil-White paper huma maħsuba biex jiġu ggarantiti s-sostenibbilità tal-biedja – qasam li jaħdmu fih 7,500 bidwi – il-produzzjoni tal-ikel, u l-ħarsien tal-ambjent rurali.
Din ir-riforma ambjentali kbira tingħaqad ma’ sensiela ta’ riformi ambizzjużi u kuraġġjużi li qed iwettaq il-Gvern immexxi minn Robert Abela, fosthom dik li twettqet fil-liġi tal-kera.
Fost l-affarijiet li qed jiġu proposti fil-White Paper hemm li titwaqqaf awtorità li tħares ir-raba’ privat u żżomm reġistru tal-art agrikola.
Il-White Paper qed tipproponi wkoll l-iżvilupp ta’ żoni agrikoli bil-konfini ta’ artijiet ta’ valur agrikolu skont il-Pjanijiet Lokali tal-2006 u li jingħata d-dritt tal-ewwel preferenza lill-bdiewa kerrejja li jixtru art mikrija lilhom. Hemm ukoll inċentivi finanzjarji li jinkoraġġixxu l-attività u l-investiment fil-qasam tal-biedja.
Id-dokument jipproponi wkoll li l-bdiewa li għandhom razzett bħala l-unika residenza tagħhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ benefiċċju fuq il-kera maħruġa mill-Awtorità tad-Djar.
Apparti minn hekk, il-Gvern qed jipproponi wkoll li jagħmel emendi fil-liġi, li l-ewwel qari tagħhom se jitressaq fil-Parlament illum. Fl-emendi fil-liġi, il-Gvern qed jipproponi li s-sid għandu jippreżenta rikors li jindika b’kemm għandha togħla l-kera.
Qed jiġi propost ukoll li l-bord jistabbilixxi l-kera ġusta wara li jqis il-valur tar-raba’ stmata bħala art agrikola għall-użu agrikolu. Il-kera riveduta mill-Bord m’għandiex taqbeż il-1.5 fil-mija fis-sena tal-valur liberu fis-suq miftuħ meta l-art tkun stmata bħala art agrikola, u l-kera għandha tapplika għal perjodu ta’ tmien snin.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, Anton Refalo, qal li l-White Paper hija viżjoni għall-futur f’dan il-qasam, u se tara wkoll li ssir ġustizzja mal-bdiewa. Ikkummenta wkoll li l-għan tal-emendi fil-liġi hi li jitwaqqfu l-każijiet kontra l-bdiewa fil-Qrati, li minnhom bħalissa hemm madwar 100.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, qal li din hija riforma importanti fejn il-Gvern qed jintervjeni biex jissalvagwardja l-art agrikola u l-pajjiż ikollu s-sigurtà tal-provvista tal-ikel.