F’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-MCAST ġiet imnedija r-Research Fellowship Scheme li se tkun qegħda tipprovdi appoġġ finanzjarju sa massimu ta’ €150,000 lir-riċerkaturi li jikkollaboraw f’proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni flimkien mal-MCAST fl-oqsma li ġejjin: Manifattura Intelliġenti, Użu Sostenibbli tar-Riżorsi għall-Mitigazzjoni u Tibdil fil-Klima, kif ukoll Teknoloġiji Diġitali Futuri. Dawn id-dettalji ġew imħabbra mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.
Is-Segretarju Parlamentari spjega li qed iniedu din l-inizjattiva biex jiffaċilitaw aktar proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni bejn riċerkaturi akkademiċi u stakeholders ekonomiċi bil-għan li jkun hemm skambju ta’ għarfien u riżorsi b’proġetti li jwasslu għall-avvanz tar-riċerka. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni kemm l-akkademja u l-industrija se jibbenefikaw b’mod reċiproku minn għarfien u avvanzi teknoloġiċi.
“Din l-iskema, li ġiet imfassla b’konsultazzjoni mal-Kamra Maltija tan-Negozji Żgħar u Medji, hija xhieda tad-dedikazzjoni tagħna għall-eċċellenza akkademika li se twassal għal kollaborazzjoni innovattiva bejn l-akkademja u l-industrija,” stqarr Azzopardi Tanti. Huwa kompla li inizjattivi bħal Research Fellowship għandhom l-għan li jwasslu għat-tkabbir tas-setturi edukattivi u finanzjarji ta’ pajjiżna u biex dawn is-setturi jibqgħu kompetittivi.
“Flimkien nistgħu nibdew vjaġġ trasformattiv, fejn skemi bħal Research Fellowship isiru xempju ta’ kollaborazzjoni, għarfien, u avvanzi, li tmexxi lil Malta għall-eċċellenza fir-riċerka u l-innovazzjoni,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra Maltija tan-Negozji Żgħar u Medji Paul Abela qal “Din hija opportunità tajba kemm għan-negozji li dejjem xtaqu jaraw il-proċessi tagħhom aktar mill-viċin kif ukoll għal dawk li jixtiequ jaddattaw ruħhom għal futur, biex isiru aktar sostenibbli u effiċjenti.”
Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, Professur Joachim James Calleja, qal, “Il-kollaborazzjoni bejn l-MCAST u l-Industrija hija importanti u twassal għal aktar innovazzjoni u tavvanza l-għarfien f’oqsma diversi. Billi jrawwem kultura ta’ eċċellenza fir-riċerka u b’involviment fl-industrija, l-MCAST ikompli jagħti kontribut sinifikanti lill-akkademja u lis-soċjetà.”
Min-naħa tagħha, Dr Tatjana Chircop, Deputat Prinċipal tar-riċerka u l-innovazzjoni ġewwa l-MCAST spjegat kif bħala Ċentru għar-Riċerka Applikata u Innovazzjoni, l-MCAST qed ikompli jsaħħaħ it-temi prinċipali ta’ riċerka tiegħu biex ikun aktar iffukat fuq temi li jindirizzaw il-ħajja ta’ kuljum u problemi reali, kif ukoll biex ikomplu jsaħħu r-riċerka mal-industrija.
Għal aktar informazzjoni dwar din l-skema u biex taċċessa l-formola tal-applikazzjoni żur: https://mcast.edu.mt/research-fellowship-scheme/