Ġew imnedija l-Malta Climate Action Awards biex ikun hemm newtralità tal-karbonju f’pajjiżna.
Bl-isem ta’ Climate Action Crusade, dawn il-premji jinkludu ħames kategoriji u oqsma tematiċi, fosthom għas-settur privat, is-settur pubbliku, dak akkademiku u anke s-settur li fil-futur se jkompli jqajjem kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima.
B’kollox se jkun hemm ħames rebbieħa, wieħed minn kull kategorija, u se jintagħżel ukoll rebbieħ ġenerali li se jingħata t-titlu ta’ ‘Climate Action Crusader’.
Kull rebbieħ se jingħata trofew u premju finanzjarju.
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia spjega li huwa kruċjali li tingħata s-setgħa kemm lin-negozji kif ukoll lill-pubbliku biex jieħdu azzjonijiet u jindirizzaw l-isifidi tat-tibdil fil-klima.
Il-Ministru Farrugia stqarr, “Permezz tagħhom se nippremjaw lil dawk kollha li se jimxu magħna lejn ekonomija b’żero karbonju skont il-viżjoni ekonomika ta’ dan il-Gvern.”
L-applikazzjonijiet huma miftuħin għal individwi, istituzzjonijiet edukattivi, entitajiet pubbliċi, u negozji, li jistgħu joffru soluzzjonijiet klimatiċi fl-operazzjonijiet tagħhom u li eventwalment jistgħu jsiru iktar regolari fis-suq.
Dawk interessati huma mħeġġa japplikaw minn fuq is-sit www.environment.gov.mt.