Tnediet politika favur aktar inklużjoni fil-qasam edukattiv fil-gżejjer Maltin.
Din il-politika se tkun qed tara l-implimentazzjoni ta’ aktar inklussività fil-klassijiet tal-iskejjel tagħna sabiex is-sistema tħares lejn kull tifel u tifla bħala individwu bil-kapaċitajiet speċifiċi tiegħu.
Waqt konferenza li għaliha attendew madwar mitejn edukatur, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li din il-politika hi bbażata fuq il-konvinzjoni li l-istudenti kollha huma intitolati li jgawdu minn esperjenza edukattiva sinifikattiva li fiha jistgħu jkunu produttivi u relevanti.
“Is-sistema edukattiva tagħna, huwa importanti ħafna li tevolvi b’tali mod u manjiera li tirrifletti dawk li huma realtajiet differenti fis-soċjetà tagħna. It-tfal tagħna ġejjin minn familji differenti, li għandhom potenzjal differenti minn xulxin, background soċjoekonomiku differenti, u għalhekk l-edukaturi jrid ikollhom l-għodda kollha, l-għarfien, u l-appoġġ neċessarju kollu sabiex jassiguraw proprju li l-mixja edukattiva nkunu qed nagħtu dak kollu neċessarju u l-ambjent li jixraq lit-tfal tagħna sabiex jilħqu l-iżvilupp sħiħ tagħhom. Għalhekk, qed naraw din il-politika ta’ inklużjoni li tħares lejn aspetti differenti, bħal dak li jagħġen lit-tfal tagħna u jgħinu lit-tfal tagħna fil-perkors edukattiv tagħhom sabiex jilħqu dak li huwa l-potenzjal sħiħ tagħhom.”
Il-politika tfasslet mid-Dipartiment tas-Servizzi Nazzjonali ta’ Sapport għall-Iskejjel fi ħdan il-Ministeru u nbniet minn puffiċjali li jfasslu l-politika, professjonisti, u edukaturi flimkien ma’ studenti u ġenituri.
Kemm din il-politika kif ukoll il-qafas għat-twettiq tagħha ġew adattati b’approċċ li bih l-inklużjoni u l-ekwità jiġu pprattikati fil-prinċipju u fil-prattika. Għalhekk, il-viżjoni ġenerali ta’ din il-politika hija li jiġi żgurat li l-istudenti kollha jkollhom aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità u appoġġ biex ikollhom suċċess fit-tagħlim.
Din il-politika hija mmirata lejn edukazzjoni li tkun kapaċi tilqa’ għall-bżonnijiet differenti tal-istudenti kollha u se tiffoka fuq kif jiġu indirizzati l-imġiba ta’ intimidazzjoni, l-attendenza, il-ġeneri differenti, u l-istil ta’ ħajja meħtieġ għal saħħa tajba.