Ir-Repubblika ta’ Malta: L-Ewwel Ħamsin Sena, 1974-2024, hija wirja li qed tittella’ fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, li qed tfakkar il-ħames deċenji ta’ pajjiżna bħala Repubblika.
Il-wirja tinkludi dokumenti, artifatti, u wirjiet li juru r-reżiljenza u d-determinazzjoni tal-mexxejja ta’ pajjiżna fil-kisba ta’ pajjiżna bħala stat sovran.
Preżenti għat-tnedija kien hemm il-President Myriam Spiteri Debono, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Kultura Owen Bonnici.
Il-President qalet li din il-wirja tagħmel ġieħ lill-Maltin bħala ġens u sostniet dwar l-importanza ta’ iktar edukazzjoni, biex il-ġenerazzjonijiet li ġejjin ikunu jafu dwar din il-ġrajja.
Il-Prim Ministru fisser din il-kisba kostituzzjonali bħala parti mill-qofol ta’ dik li hi Malta. Sostna li l-President tar-Repubblika ta’ Malta jirrappreżenta l-għaqda nazzjonali, waqt li tkellem ukoll fuq il-kisbiet kbar li għamel pajjiżna f’dawn l-aħħar ħamsin sena.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan huwa mument storiku kien parti minn sensiela ta’ avvenimenti ewlenin. Spjega li kull wieħed minn dawn il-passi kien ir-riżultat ta’ ħidma kollettiva u sagrifiċċju.
Din il-wirja minn Heritage Malta tinkludi wkoll ktieb komplementari, bilingwi u illustrat huwa disponibbli għax-xiri.