Opportunitajiet, Karrieri u sostenibiltà.
Dawn huma t-tliet prinċipji li fuqhom huma mibnija l-erba’ pilastri li jsawru l-istrateġija tal-films 2030.
L-Infrastruttura, il-Kultura, l-Edukazzjoni u r-Riżors Uman u l-Finanzi huma l-erba’ pilastri li se jsaħħu l-industrija għat-tmien snin li ġejjin u lil hinn.
It-Tnejn wara nofsinhar bdiet dik imsejħa bħala l-ġimgħa għall-Films, fejn anke se tkun qed tiġi diskussa l-istrateġija għall-industrija tal-films mal-partijiet involuti kollha.
Il-Ministru responsabbli mill-industrija tal-films, Clayton Bartolo, tenna l-importanza ta’ aktar taħriġ għall-persuni li qed jaspiraw li jaħdmu f’din l-industrija li qed tħalli l-flus fl-ekonomija, anki waqt pandemija.
“Dan huwa wieħed mill-aktar aspett importanti għall-industrija, għaliex irridu naraw li jkollna crews u jkollna wkoll producers kif ukoll persuni oħrajn f’din l-industrija illi jkunu mħarrġa u jkollhom livell għoli ta’ edukazzjoni sabiex iservu kemm lill-industrija lokali, l-industrija indiġena, li se nkunu qed nagħtuha importanza spċejali f’din l-istrateġija tagħna, iżda wkoll nies li jkunu kapaċi jagħmlu x-xogħol meħtieġ lil producers barranin illi jagħżlu lil pajjiżna biex jaħdmu l-films fihom.”
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju għall-Films, Johann Grech, spjega li permezz ta’ -diskussjoni miftuħa għal kulħadd, se tingħata stampa ta’ fejn l-industrija tal-films tinsab illum u fejn trid tmur.
“Bħala Kummissjoni u bħala Gvern ħa nkomplu nagħtu l-appoġġ kollu neċessarju biex il-local produceres tagħna u t-talent lokali, ikompli jikber mhux biss hawn Malta, mhux biss jagħmel suċċess hawn Malta imma jagħmel suċċess barra minn xtutna.”