Fis-sena li timmarka t-30 anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex, tnediet il-Viżjoni Stateġika Nazzjonali tal-Gvern Lokali għall-perjodu bejn l-2023 u l-2030.
Wara li, f’Awwissu tas-sena l-oħra, is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali vara proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ mal-imsieħba tal-Gvern Lokali, dan il-proċess wassal għat-tfassil tad-dokument uffiċjali.
Fil-preżenza tal-Presidenti Reġjonali, u ta’ bosta Sindki, Kunsilliera, Segretarji Eżekuttivi, u ħaddiema fi ħdan il-Kunsilli, ġew spjegati l-ħames temi ewlenin li l-viżjoni strateġika hija mfassla fuqhom. Dawn il-ħames temi jirriflettu viżjoni ħolistika li tinkorpora u tħeġġeġ komunitajiet aktar inklussivi, sostenibbli, u kreattivi għar-residenti, sabiex jgħixu, jaħdmu, u jintegraw f’ambjent aktar san u nadif.
Il-ħames temi huma l-Governanza Tajba u Effettiva; Riżorsa Reġjonali għall-Kunsilli Lokali; Lokalitajiet b’Ambjent Aktar Nadif; Kunsilli Lokali Viċin in-Nies; u Prijorità Diġitali fil-Gvern Lokali.
Kull tema għandha l-istrateġiji u l-objettivi tagħha. Fost l-oħrajn insibu studju sabiex, bħalma ġara fil-Parlament, jiġi introdott mekkaniżmu li jiżgura rappreżentanza ugwali tal-ġeneri fil-qasam tal-Gvern Lokali. Insibu wkoll li tingħata s-setgħa li jiġi eżerċitat id-dritt tal-kariga qabel l-età ta’ 18-il sena; metodi aktar effiċjenti u effettivi għat-tindif tat-toroq fil-lokalitajiet ta’ pajjiżna; Inizjattivi u proġetti li jtejbu u jgħollu l-livell tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti; l-implimentazzjoni ta’ proġetti u inzijattivi li jħarsu l-ambjent; u t-tisħiħ tal-kunċett tal-Pulizija fil-Komunità u jiġi żgurat li jkollu r-riżorsi meħtieġa sabiex jitħaddem b’effiċjenza.
Dwar il-prijoritajiet diġitali, hemm pjanat koordinament sabiex il-permessi jibdew jinħarġu b’mod diġitali.
F’din il-konferenza tħabbar ukoll programm ta’ attivitajiet u inizjattivi li jfakkar it-30 sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali f’Malta.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li din il-viżjoni se tixpruna pjan ta’ ħidma b’direzzjoni ċara.
“Ħassejna l-bżonn ukoll li nikkonsultaw u nisimgħu minn dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-Gvern lokali sabiex il-viżjoni strateġika kif se nimxu ’l quddiem tkun viżjoni ta’ dawk li għandhom għal qalbhom il-Kunsilli Lokali. Jekk inħarsu ’l quddiem naraw Gvern Lokali aktar b’saħħtu u relevanti għad-dinja tal-lum. Dan jista’ jsir billi nibqgħu nisimgħu lil kulħadd, miż-żgħir għall-kbir.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, faħħar il-ħidma li twettqet biex tfassal u ġie varat dan id-dokument u qal li l-Gvern jinsab impenjat jara li l-Gvern Lokali jkompli miexi ’l quddiem.