Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (KDPD) tħabbar li nediet sit elettroniku mnejn se tibda tilqa’ l-applikazzjonijiet għall-ħruġ tal-karta tad-diżabilità tal-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis faħħar l-inizjattiva u fakkar li Malta hi wieħed mit-tmien pajjiżi fl-Unjoni Ewropea parteċipanti f’dan il-proġett pilota. Il-karta tad-diżabilità tal-Unjoni Ewropea se tiffaċilita t-tnaqqis fid-dewmien tal-proċess biex wieħed jivverifika l-validità tagħha.
Permezz ta’ din il-karta, il-persuni b’diżabilità se jkunu jistgħu jidentifikaw ruħhom bħala persuni b’diżabilità fil-pajjiżi membri tal-UE li qed jipparteċipaw ma’ Malta f’dan il-proġett u se jibbenefikaw ukoll minn diversi skonti fl-istabbilimenti li ssieħbu mal-KDPD.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna qal li din il-karta se tiffaċilita l-mobilità fil-pajjiżi li ngħaqdu f’din l-iskema u s-suċċess tagħha ċertament se jħeġġeġ pajjiżi oħrajn biex jissieħbu fiha. “Dan hu pass importanti ’l quddiem biex l-Ewropa tmexxi lill-pajjiżi tagħha fl-istess direzzjoni fejn jidħol is-settur tal-persuni b’diżabilità”, spjega s-Sur Scicluna.
Biex japplika wieħed irid jidħol fis-sit www.eudisabilitycard.org.mt, jimla l-formola u jtella’ ritratt tal-passaport. Fl-istess sit, wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni dwar din il-karta.
Dan il-proġett hu kofinanzjat mill-programm Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea.