Bit-tema ‘The Power Within’, ġiet imnedija l-kampanja edukattiva nazzjonali Pink October Movember, bil-għan li tqajjem aktar kuxjenza dwar ħames tipi ta’ kanċers differenti, waqt li jinġabru fondi li se jkunu qed jintużaw fi proġett ieħor.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, Michelle Muscat, waqt li indirizzat konferenza fil-Belt Valletta, qalet li, tul dawn l-aħħar għaxar snin, din il-kampanja dejjem saret bil-għan li tħeġġeġ lin-nies jittestjaw lilhom infushom.
Il-Presidenza, filwaqt li tapprezza x-xogħol li jsir fl-organizzazzjoni ta’ din il-kampanja, sew min-naħa tal-Marigold Foundation, kif ukoll l-għajnuna bit-testijiet min-naħa tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, tħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex jirrikorri għas-servizzi ta’ screenings provduti mill-awtoritajiet, biex kemm jista’ jkun il-kanċer jinqabad mill-bidu u kmieni.
Din is-sena, il-kampanja, li hi ispirata mill-idea li ssib is-setgħa tiegħek innifsek biex timxi ’l quddiem, se tenfasizza fuq kif il-ħames kanċers jirrappreżentaw ħames turġien bħala l-mogħdija ta’ persuni morda bil-kanċer.
Il-kampanja, li għandha l-patroċinju tal-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, ġiet indirizzata minn diversi kelliema, fosthom Danika Marmara, id-Direttur tal-Cancer Pathways, il-Professur Christopher Barbara, il-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, kif ukoll persuni li fiequ mill-kanċer.
Tkellimna ma’ Tony Cachia, li għal dawn l-aħħar għoxrin sena, ilu jikkumbatti l-marda tal-kanċer tal-prostata.
“Jien prostate cancer patient, ili 20 sena u nista’ ngħid li dejjem sibt sapport mill-familja, ħbieb, nurses u tobba, li hi importanti. Dalwaqt ħa nibdew, għax is-sapport huwa importanti, il-Malta Male Cancer Association.”
Ħadna wkoll il-kumment ta’ Michelle Muscat, Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold.
“The Power Within – il-kampanja għal din is-sena – nemmen li se tkun kampanja oħra fejn mhux biss ngħallmu lin-nies u nedukaw lill-poplu, imma niġbru l-flus biex, inkomplu bil-proġett tagħna ta’ ‘Oncology in the Community’, fejn, bil-fondi miġburin, inkunu qegħdin ngħinu lil min hu għaddej mill-marda tal-kanċer, billi permezz ta’ dawn il-units li nkunu qegħdin nipprovdu kura fid-dar tagħhom stess.”