Ġiet imnedija l-kampanja ‘Islands Cleanup’ għal din is-sena, li qed tħeġġeġ organizzazzjonijiet u għaqdiet differenti biex jorganizzaw u jieħdu sehem f’tindif anke bil-għan li jiżdied l-għarfien ġenerali dwar il-protezzjoni ambjentali fil-widien u fuq il-bajjiet.
Matul din il-kampanja, l-entità governattiva Project Green qed timpenja ruħha li tħawwel żewġ siġriet għal kull tunellata ta’ skart li tinġabar.
Din hi repetizzjoni tal-edizzjonijiet passati, tant li s-sena li għaddiet kienu inġabru aktar minn 2,000 tunellata skart u fil-fatt tħawlu 4,000 siġra ġdida.
L-edizzjoni ta’ din is-sena tnediet waqt tindif fil-wied u l-Bajja tal-Ġnejna fejn diġà nġabar madwar tunellata ta’ skart mill-impjegati ta’ Project Green u tal-Ministeru f’attività ta’ team building.
Gruppi jew għaqdiet, li jirreġistraw, jingħataw l-għodod neċessarji, bħal ingwanti, basktijiet, ġarr tal-iskart u struzzjonijiet ta’ sigurtà biex jiġi assigurat proċess ta’ tindif sigur u effiċjenti. Sadanittant, il-parteċipanti se jkunu assistiti biex jiżnu l-iskart miġbur matul l-attività ta’ tindif tagħhom.
Dan l-iskart se jiġi sseparat fuq il-post f’ħarsien tar-regolamenti tas-separazzjoni tal-iskart u materjal riċiklabbli se jmur għal dan il-għan.
Il-parteċipanti se jingħataw ukoll ċertifikat ta’ parteċipazzjoni għall-ħidma tagħhom lejn ambjent aħjar.
Il-Ministru Dalli, li ngħaqdet mal-ħaddiema ta’ Project Green fl-attività ta’ ‘Saving our Blue’, appellat lill-għaqdiet u entitajiet mhux governattivi biex ikunu parti minn din l-inizjattiva.
“Fil-fatt, din is-sena wkoll, qegħdin norganizzaw l-‘Islands Cleanup’ bħala inizjattiva f’dawn ix-xhur biex inżommu l-bajjiet tagħna u l-widien tagħna aktar nodfa. Illum qegħdin nappellaw lill-kumpaniji, għaqdiet, organizzazzjonijiet, individwi biex jingħaqdu magħna u jkunu parti wkoll minn din l-inizjattiva. Naf kemm inizjattiva bħal din tista’ tkun suċċess. Biss biss, is-sena li għaddiet irnexxielna nħawlu erbat elef siġra u anke din is-sena naraw li għal kull tunellata ta’ skart li tinġabar inkunu qed inħawlu żewġ siġriet”.