‘Il-Vuċi tiegħek tista teħilsek’.
Kampanja ta’ sittax-il ġurnata fuq għarfien u kuxjenza dwar il-vjolenza domestika.
Din il-kampanja ġiet imnedija minn mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela biswit it-torri ta’ Wignacourt, f’San Pawl il-Baħar.
Dr Abela qalet li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena ressqu għall-għajnuna elf disa’ mija u sbatax-il persuna: “Jiena nemmen li l-isfida għall-vjolenza domestika mhiex sfida individwali, mhix sfida ta’ persuna imma hija sfida għas-soċjetà kollha kemm hi. Għaliex nemmen li kulħadd għandu dritt, kull persuna, kull Malti, kull tifel u tifla, kull żagħżugħ u żagħżugħa, kull mara u raġel għandhom dritt illi jgħixu ħajja trankwilla, jgħixu f’relazzjoni ma’ persuna tħobb, iħobbu u li jħobbhom lura u li jilħqu l-aspirazzjonijiet kollha tagħhom.”
Il-Kummissarju fuq il-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri qalet li aħna l-umani nistgħu nitkellmu u l-vuċi tagħna hija importanti biex naqsmu l-esperjenzi tagħna: “Ħafna nies min ikun għaddej minn dawn it-tip ta’ problemi jsibha diffiċli ħafna biex ilissen, biex jagħti vuċi lil dawk is-sofferenzi li jkun għaddej minnhom. Però safrattant hija l-vuċi, propju li tista’ teħlishom mill-jasar, li tista’ tagħmel id-differenza.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza Owen Bonnici qal kif minkejja dan iż-żmien kollu ta’ għarfien dwar is-suġġett xorta għad hemm bżonn li jkun hemm bidla fil-mentalità tal-passat: “Allura qegħdin inxandru numru ta’ filmati, li huma filmati narrattivi, jiġifieri li jirrakkontaw esperjenza mill-persuni li sofrew il-vjolenza domestika, li għandha l-għan li tħeġġeġ nies oħrajn illi jieħdu azzjoni u jitkellmu.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal kif erba’ torrijiet madwar pajjiżna se jinxtegħlu bil-kulur oranġjo, sabiex torrijiet li ntużaw mill-ħakkiema issa jwasslu messaġġ: “L-għan tagħna huwa dak li ngħinu u nagħtu vuċi lil dawn in-nies vulnerabbli u għalhekk dawn it-torrijiet mixgħula qegħdin ikomplu jgħinu jagħtu l-kuraġġ lil dawk kollha illi għandhom bżonn ifittxu l-għajnuna.”
Fuq kollox l-appell jibqa’ wieħed, li dawk li għandhom bżonn l-għajnuna jċemplu fuq in-numru 179.