Matul il-jum tas-Sibt 9 ta’ Marzu, il-Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew u Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba nieda l-kampanja elettorali tiegħu fi Pjazza Tritoni bi preparazzjoni għall-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li ġej.
Fost folla kbira li nġabret fi Pjazza Tritoni, l-MEP Laburista Alex Agius Saliba ffoka d-diskors tiegħu fuq l-għaqda li teżisti u tirrenja fi ħdan il-Partit Laburista. “Dan hu dak illi jiddistingwina mill-Partit Nazzjonalista. L-għaqda tagħna wara l-Prim Robert Abela u l-għaqda u r-rispett wara l-mexxejja kollha li kellhom il-privileġġ sabiex iservu lill-Partit tagħna, il-privileġġ u l-unur sabiex iservu lil pajjiżna”, sostna l-kandidat tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba.
Huwa sostna kif huwa kburi li jagħmel parti mill-familja tal-Partit Laburista u kellu l-opportunita’ li jitla’ pass pass fl-istrutturi kollha. Qal kif l-imħabba li urih il-poplu Malti u Għawdxi matul l-aħħar ħames snin imlietu b’ħeġġa u determinazzjoni biex iżid id-doża tax-xogħol tiegħu. Tenna kif kien ta’ privileġġ għalih li jservi u jixtieq li jkompli jkun vuċi soda għal bosta strati tas-soċjeta’, partikolarment il-klassi tal-ħaddiema, il-konsumaturi vulnerabbli, il-minoritajiet u anke l-persuni b’diżabbilta’ fost oħrajn.
“Fuq kollox pruvjat u se nibqa’ nkun tarka kontra minn prova jżebblaħ isem pajjiżna barra minn xtutuna.”, saħaq Agius Saliba.
Huwa ta eżempju kontreti ta’ kif il-valuri soċjalisti li jħaddnu l-kandidati kollha tal-Partit Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew huma dawk li jiddistingwuhom mill-avversarji politiċi.
“Sostna li l-Partit Laburista jħares lejn pajjiżu bl-istess imħabba li missier jew omm iħarsu lejn it-tfal tagħhom u b’hekk jagħtu minn kollox u dak kollu li jista’ biex jarah miexi ‘l quddiem”, qal Alex Agius Saliba.
Il-Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi kkonkluda billi qal li din hija opportunita’ unika biex il-poplu jagħti sinjal ċar li qed jirriġetta l-politika tal-firda u l-mibgħeda kontra pajjiżna stess.
Sostna kif l-għajta ta’ “Malta l-ewwel u qabel kollox” hija aktar importanti minn qatt qabel.
Jindirizzaw din l-attivita’ kien hemm il-Ministri Silvio Schembri u Ian Borg u l-eks Prim Ministri Alfred Sant u Joseph Muscat.