Bħala parti mill-impenn tiegħu favur l-edukazzjoni fit-tul, il-Ministeru għall-Edukazzjoni nieda l-istrateġija Nazzjonali għat-Tagħlim tul il-Ħajja sal-2030.
Din l-istrateġija timxi id f’id mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni li waslet fl-aħħar konsultazzjoni qabel din ukoll tkun imnedija x-xahar id-dieħel.
L-istrateġija għall-edukazzjoni fit-tul għandha tliet pilastri ewlenin u 51 azzjoni strateġika, li flimkien jittrattaw l-opportunitajiet għat-tagħlim immirati lejn adulti li jinħtieġu ħiliet bażiċi, il-metodi u opportunitajiet ta’ tagħlim diversi biex tkun żgurata l-inklussività u li tkun żgurata l-kwalità fit-taħriġ tat-Tagħlim Tul il-Ħajja.
Kif spjegat magħna l-Uffiċjal Edukattiv għat-Tagħlim fit-tul, Mandy Mifsud, l-Istrateġija għandha missjoni soċjali fil-qalba tagħha u għandha l-għan li ttejjeb il-ħajja ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.
Qalet, “Din l-istrateġija għandha missjoni soċjali u se tkun qed tagħti każ kull adult li jgħix f’Malta, b’mod speċjali dawk il-gruppi vulnerabbli, fosthom persuni b’diżabilità, immigranti u adulti li ħallew l-iskola kmieni u allura għandhom nuqqas ta’ kwalifiki u ħiliet.”
L-istrateġija se jkollha rwol ewlieni biex jintlaħqu l-miri nazzjonali biex tiżdied kemm ir-rata ta’ impjieg, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim, waqt li titnaqqas ir-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.
Il-benefiċċji tat-tagħlim tul il-ħajja ma jieqfux fuq livell individwali iżda għandhom effetti li jinxterdu fuq il-livelli kollha tas-soċjetà.
Qalet, “Se jiżdied it-taħriġ fil-komunità, allura l-adult li forsi jħossu li ma kellux esperjenzi sbieħ meta kienu iżgħar l-iskola, illum il-ġurnata m’għandhomx għalfejn jidħlu ġo skola formali u jitgħalmu fil-komunità.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima saħaq kif l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta li tgħin biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem, li tagħti l-mobbiltà soċjali u li int min int għandek l-istess opportunità daqs ħaddieħor li tavvanza fil-ħajja u tilħaq l-aspirazzjonijiet kollha tiegħek.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Matthew Vella qal kif din l-istrateġija hija ċ-ċavetta għall-mobbiltà soċjali, hekk kif għandha l-għan li tnaqqas l-esklużjoni soċjali billi tiżdied il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ.