Il-Kunsill Konsultattiv tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, l-MFSAC, nieda l-Istrateġija Nazzjonali tas-Servizzi Finanzjarji li tinkludi aktar minn 175 inizjattiva.
Din l-istrateġija nbdiet mill-Gvern bis-sehem attiv ta’ aktar minn mitt professjonist li huma attivu fl-industrija u tar-regolaturi.
Waqt konferenza li matulha daret it-tnedija ġie spjegat kif is-settur tas-servizzi finanzjarji huwa kruċjali fl-ekonomija, għax dan ifisser aktar minn tmienja fil-mija tal-ekonomija Maltija.
L-għan ta’ din l-istrateġija hu li jkomplu jissaħħu l-pożizzjoni u r-riżultati ta’ Malta b’mod professjonali u anki konformi mar-regolamenti, waqt li tinħoloq sistema finanzjarja diġitali li hija faċli biex tintuża.
Il-prinċipji ewlenin ta’ din il-viżjoni huma l-ħeffa, l-istandards, is-simplifikazzjoni, l-ispeċjalizzazzjoni, u s-sostenibbilità.
Il-President tal-Kunsill Konsultattiv tas-Servizzi Finanzjarji, Joseph Zammit Tabona, qal li din l-istrateġija qed issir fi żmien opportun, hekk kif fiż-żmien li ġej is-settur tas-servizzi finanzjarji għandu jkun megħjun bit-teknoloġija u b’hekk tissaħħaħ il-preżenza ta’ pajjiżna fis-suq kompetittiv globali.
Intqal li l-pandemija u l-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa, u t-tibdil rapidu li ġabet magħha t-teknoloġija, qed ibiddlu l-mod kif isir in-negozju.
Zammit Tabona sostna li din l-istrateġija seħħet b’ħidma kollaborattiva bejn is-settur privat, il-Gvern, u l-korpi regolatorji.
“Hemm xi 177 proposta, u naturalment aħna minn dawk il-proposti beħsiebna nwettquhom fi żmien 18-il xahar, bejn Lulju ta’ din is-sena sal-aħħar tas-sena d-dieħla.”
Preżenti għat-tnedija ta’ din l-istrateġija kien hemm il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, li qal li din l-istrateġija hija neċċesarja biex pajjiżna jibqa’ jkun kompetittiv.
Il-Ministru Caruana qal li din l-istrateġija tfasslet mill-ħaddiema f’dan is-settur għall-ħaddiema stess, waqt li l-Gvern qiegħed jissapportja din l-istrateġija sabiex issaħħaħ dan is-settur fil-futur.
“Hija strateġija li hija mħejjija mis-settur għas-settur. Dak tas-servizzi finanzjarji huwa wieħed mill-aktar setturi importanti għall-ekonomija tagħna u dan li ġie varat illum huwa proprju x-xogħol li għandu jsir biex inkomplu nassiguraw illi pajjiżna jkollu servizzi finanzjarji aktar b’saħħithom għas-snin li ġejjin.”
Huwa semma kif mis-sena d-dieħla, l-Unjoni Ewropea se ddaħħal fis-seħħ it-taxxa komuni. Intqal li l-Gvern Malti mhux se jdaħħal din il-bidla mis-sena d-dieħla, minħabba li jridu jsiru tibdiliet kbar biex din tidħol fis-seħħ.
Qal li dan ifisser li jrid ikun hemm bidla fis-sistema tat-taxxa li ddaħħlet f’pajjiżna fid-disgħinijiet u saħaq li din trid issir b’mod gradwali, waqt li trid issir ukoll konsultazzjoni mal-partijiet konċernati.
Il-Ministru qal li l-Gvern se jkun qed jikkomunika mal-Kummissjoni Ewropea u jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu. Qal ukoll li din mhux se tidħol fis-seħħ fit-tliet snin li ġejjin għax is-sistema ma tistax tinqaleb mil-lum għal għada.