Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela nieda l-Istrateġija Nazzjonali għall-Kura Paljattiva għall-għaxar snin li ġejjin.
Matul din it-tnedija, il-Ministru Abela qal kif l-għan ewlieni ta’ din l-istrateġija hu li tkompli ssaħħaħ l-aċċess għall-kura paljattiva bħala komponent integrat u ewlieni tas-sistema tal-kura tas-saħħa tagħna bl-enfasi fuq il-kura tas-saħħa primarja u s-servizzi tal-kura fil-komunità u fid-dar.
Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega li permezz ta’ din l-istrateġija qed jaraw li s-servizzi jkunu reattivi, koordinati u flessibbli biex jissodisfaw il-ħtiġijiet individwali li qed jinbidlu filwaqt li jippreservaw id-dinjità tal-pazjent matul il-perjodu tal-marda. Saħaq li punt ieħor importanti minn din l-istrateġija huwa li se ssir diskussjoni mal-istakeholders konċernati f’dan il-qasam biex permezz ta’ numru ta’ entitajiet tal-gvern, entitajiet privati u NGOs, jaraw li din il-kura tkun offruta f’numru ta’ postijiet bħal djar tal-anzjani, imma wkoll li jkun hemm biżżejjed riżors uman li jkompli jipprovdi appoġġ kostanti anke fid-dar personali tal-pazjent. Saħaq li din tallinja mal-Viżjoni Malta 2050 li joffru kwalità ta’ ħajja u kura aħjar liċ-ċittadini.

Il-Ministru Abela spjega li din it-tip ta’ kura ilha tiġi offruta f’pajjiżna kemm fl-isptarijiet kif ukoll fid-djar tal-anzjani. Madanakollu, din l-istrateġija ser tkun qed iżżid l-għarfien fuq din il-kura u l-gvern impenjat biex dawn is-servizzi jkomplu jikbru fil-komunità tagħna. Tenna kif il-gvern qed jaħdem sabiex jekk persuna tixtieq li tqatta’ l-aħħar mumenti tagħha fid-dar personali tagħha, dan ikun jista’ jsir mingħajr problemi.
“Il-kura paljattiva kif nixtiequ aħna u kif tixhed din l-istrateġija hija waħda ħolistika li tħares lejn il-bżonnijiet u sintomi tal-pazjent minn kull aspett. Aħna nixtiequ li persuna li tkun fl-aħħar fażi tal-ħajja minħabba kundizzjonijiet kroniċi, tiġi offruta servizz dinjituż fejn is-sintomi tagħha jkunu kontrollati totalment. L-għan tagħna huwa li kull persuna tgħix b’dinjità anke f’din il-fażi tal-ħajja,” temm jgħid il-Ministru Abela.