Daħlet dis-seħħ l-Istrateġija Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva għas-seba’ snin li ġejjin bil-għan li tipproteġi d-drittijiet ta’ persuni akbar fl-età filwaqt li tħarishom minn sfidi bħall-abbuż u l-esklużjoni soċjali.
Din l-istrateġija ġiet imnedija mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, li saħaq dwar l-importanza tagħha, b’mod speċjali meta wieħed jikkunsidra l-fatt li, fi żmien tletin sena, il-popolazzjoni ta’ persuni li għandhom tmenin sena jew iktar mistennija tittrippla.
Il-Ministru spjega li l-għan ewlieni tal-istrateġija hija li jiġu protetti l-anzjani minn diskriminazzjoni abbażi tal-età, filwaqt li sservi ta’ katalista li twassal għall-aqwa kura fis-soċjetà.
L-istrateġija hija maqsuma fuq tliet pilastri, bl-ewwel wieħed ikun l-inklużjoni soċjali. Din se tiġi miksuba permezz ta’ numru ta’ inizjattivi, bi wħud minnhom ikunu t-tagħlim f’kull età, b’mod speċjali tagħlim dwar it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.
It-tieni pilastru jirrelata mal-anzjanità ħielsa mill-mard, li tirreferi għall-proċess tal-ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali, fost l-oħrajn. Dan il-pilastru se jkun qed jintlaħaq permezz ta’ inizjattivi fosthom it-tixrid tal-għarfien relatat mal-ħarsien tas-saħħa, kif ukoll l-estensjoni tal-kura fil-komunità għall-anzjani.
Il-Ministru Abela tkellem ma’ dan l-istazzjon dwar kif it-tielet pilastru huwa marbut mal-impenn li jiġu indirizzati d-diversità u l-inugwaljanza fost l-anzjani.
Huwa qal, “Lill-anzjani tagħna li, pereżempju, huma omosesswali, leżbjani, bisesswali, din is-sezzjoni ta’ anzjani m’għandiex tkun iddiskriminata. Aħna din l-istrateġija, dawn it-tliet pilastri, fihom diversi inizjattivi li aħna attivament se naħdmu biex ikunu kompluti f’dawn is-seba’ snin li ġejjin.”
Il-Ministru Abela temm jgħid li huwa ċert li din l-istrateġija se tħalli impatt pożittiv favur id-dinjità u l-awtonomija tal-anzjani kollha f’pajjiżna.