Ġiet imnedija l-istrateġija nazzjonali dwar id-dimensja sal-2031, bit-titlu ‘Nilħqu l-Livelli Ġodda’.
Din ġiet imnedija mil-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea.
Din ġiet imnedija wara li saret konsultazzjoni pubblika, fejn saru numru ta’ laqgħat u kien hemm bosta rakkomandazzjonijiet.
Din l-istrateġija hi bbażata fuq seba’ pillastri, u fosthom tinkludi aktar għarfien dwar din il-kundizzjoni u x’jista’ jsir biex jitnaqqsu r-riskji. Ma’ dawn hemm ukoll it-taħriġ tal-ħaddiema li jaħdmu ma’ persuni bil-kundizzjoni tad-dimensja u li jingħata aktar sapport lil persuni li għandhom din il-kundizzjoni u anki mal-qraba tagħhom.
Dwar dan tkellimna ma’ Alex Gobey mid-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja.
Qal, “Il-kundizzjoni tad-dimensja qed tiżdied fil-pajjiżi kollha żviluppati fl-Ewropa, inkluż Malta, aktar ma ntejbu s-sistemi tagħna tas-saħħa, iktar sfortunatament in-nies anzjani jistgħu jkollhom xi forma ta’ dimensja. Allura hemm bżonn li nużaw ir-riżorsi li għandna, insaħħu s-servizzi li għandna u nibnu fuq l-ewwel strateġija.”
Il-Ministru Abela sostna li din l-istrateġija hi ta’ linja gwida għal dan il-qasam, waqt li saħaq li f’pajjiżna jrid ikun hawn aktar riċerka f’dan il-għan.
Qal, “Ħa tkun qafas li ħa jgħin sabiex persuni li jbatu b’din il-kundizzjoni, ikollhom ħajja aħjar, kwalità ta’ ħajja aħjar mhux għalihom biss imma għal qrabathom, kif ukoll il-ħaddiema tas-saħħa li jaħdmu ma’ dawn il-persuni.”
Is-Segretarju Parlamentari Agius Galea sostna l-importanza ta’ din l-istrateġija, fosthom bl-edukazzjoni sabiex ikun hemm għarfien kmieni ta’ din il-kundizzjoni.
Qal, “L-edukazzjoni hi importanti ħafna għaliex permezz tal-edukazzjoni, int ħa taqbad is-sintomi kmieni. Int ma tistax taqbad sintomu jekk ma tafx għalxiex qed tfittex, biex tfittex għal xi ħaġa tkun taf għalxiex u rrid ngħallmu u naħseb hi parti importanti u integrali biex din l-istrateġija tkun suċċess.”