Bil-għan li l-gżira ta’ tliet għoljiet tibbenefika aħjar minn Fondi Ewropej, tnediet għall-konsultazzjoni pubblika l-istrateġija għal Għawdex.
Strateġija li msejsa fuq erba’ pilastri tħares lejn it-tkabbir tal-ekonomija, il-prosperita’ soċjali, l-aċċessibilita’ u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u aħjar f’Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana saħqet fuq l-importanza li Għawdex ikollu sehem ikbar fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ liema proġetti għandhom jibbenefikaw mill-Fondi Ewropej.
Dan għaliex il-Ministeru mmexxi minnha ma jmexxix biss gżira, iżda Reġjun b’potenzjal enormi li jrid ikun sfruttat aħjar.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia nnota li l-istrateġija tħares lejn l-isfidi li taffaċċja l-gżira Għawdxija iżda anki l-opportunitajiet.
Irrimarka kif Għawdex diġa’ jibbenefika minn iżjed minn €22 miljun għal proġetti infrastrutturali fosthom proġetti bħall-estensjoni tax-Xewkija Industrial Park, ir-rijabilitazzjoni tal-mitħna tax-Xewkija, il-Mużew t’Għawdex u t-tisħiħ fil-kampus tal-MCAST.
Wieħed jista’ jipparteċipa fil-konsultazzjoni pubblika billi jibgħat imejl fuq meae@gov.mt .
Id-dokument huwa aċċessibbli minn fuq is-sit elettroniku www.konsultazzjoni.gov.mt.
Il-konsultazzjoni pubblika għandha miftuħa sal-Ġimgħa, 29 ta’ Diċembru.