Ġiet mnedija l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni Diġitali għas-settur tal-Ġustizzja.
Strateġija li nħadmet fuq medda ta’ tmintax-il xahar u li hija xhieda ħajja tal-impenn li dan il-Gvern għandu sabiex jkompli jinvesti fis-sistema tal-ġustizzja biex din issir aktar effiċjenti, effettiva u aċċessibbli.
Din l-istrateġija ser tipprovdi viżjoni komuni u ser tgħaqqad l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-kappa tal-ġustizzja sabiex flimkien jaħdmu u jitrasformaw is-sistema ġudizzjarja
L-għanijiet strateġiċi li ġew magħżula għal din l-istrateġija huma l-waqtiet li l-ġustizzja tkun waħda bbażata fuq teknoloġija diġitali ssir in-norma u mhux l-eċċezzjoni, l-informazzjoni miġbura u provduta tibqa’ waħda valida maż-żminijiet u li jingħata t-taħriġ neċessarju.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis semma kif din l-istrateġija se ssaħħaħ dan il-qasam kruċjali.
“Hawnhekk qed naħdmu fuq ġustizzja diġitali, pjan fit-tul illi nħarsu lejn il-ġustizzja b’mod ħolistiku u naraw l-għajnuna ta’ esperti barranin, b’għajnuna ta’ fondi Ewropej, b’koperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea nagħmlu ġustizzja aktar effiċjenti però aktar aċċessibli għaċ-ċittadini tagħna. Dan hu pjan li se jwassal għal ġustizzja aktar effettiva, fejn ċittadin ġej min fejn ġej għandu mezzi finanzjarji li għandu jista’ jaċċess il-ġustizzja tagħna anke mill-kumdità ta’ daru.”
Sabiex jintlaħqu l-miri msemmija, se jiġu stabbiliti strutturi Ministerjali.
Dawn se jiżguraw li l-għanijiet strateġiċi jintlaħqu fi żmien ta’ sitt snin.
Is-Segretarju Parlamentaru għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi tenna kif din l-istrateġija timxi id f’id mal-Pjan ta’ Rkupru.
“Qed ninvestu fondi tal-Unjoni Ewropea kemm sabiex titfassal din l-istrateġija diġitali għall-qasam tal-ġustizzja kif ukoll dan se jwassal għal investiment massiċċ bħala parti mill-Pjan ta’ Rkupru reżiljenza illi l-Gvern se jkun qed iwettaq wara li dan ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea. Tajjeb li ngħidu li minn dan il-pjan li fassal il-Gvern ta’ allokazzjoni kbira għall-governanza u b’hekk se ninvestu għaxar miljun ewro fil-qasam tal-ġustizzja.”
Din l-istrateġija saret ukoll bl-appoġġ kontinwu tad-Direttur Ġenerali għar-Riformi u l-Kunsill Ewropew, u l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza fil-Ġustizzja fi ħdan il-Kunsill Ewropew.