Tnediet l-Istrateġija Diġitali Malta 2024-2030, maħsuba biex tħejji lill-istudenti għad-dinja diġitali tal-futur, irrispettivament minn fejn ġejjin.
Din l-istrateġija, li kienet l-aktar konsultazzjoni f’dan il-qasam li rċeviet kontribut minn diversi professjonisti, hi bbażata fuq erba’ pilastri, li huma: li jitrawmu Ċittadini Diġitali Globali; li jissaħħu l-Edukaturi għas-Seklu 21; l-Impenn u Kollaborazzjoni tal-Komunità; u li jitjiebu r-Riżorsi Diġitali.
Fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2025-2030 hemm ċar il-ħidma li għandha ssir, dik li jkun ipprovdut il-qafas neċessarju għal adozzjoni ta’ ħiliet diġitali tas-Seklu 21, speċjalment dawk ta’ tħejjija diġitali, benesseri diġitali u ċittadinanza diġitali, b’dawn huma trattati f’din l-istrateġija.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal kif minbarra l-miri tal-Istrateġija hemm ukoll pjan t’azzjoni biex din tiffoka fuq il-provvista tal-kompetenzi diġitali bażiċi minn età bikrija, l-appoġġ għal dawk li għadhom lura u l-avvanz tal-edukazzjoni tal-computing għall-ekonomija diġitali.

Hawn hu semma wkoll ħidma li qed issir f’dan is-settur edukattiv, fosthom it-tqassim tat-two-in-one devices u l-ħidma li qed issir biex jitqassmu laptops lill-istudenti, kif ukoll l-Intelliġenza Artifiċjali u t-trasformazzjoni ta’ Teleskola.
“Qegħdin naraw li, permezz ta’ din l-istrateġija mibnija fuq erba’ pilastri, inkunu qed nagħtu l-għodda kollha neċessarja u anke l-opportunitajiet varji, lit-tfal tagħna, l-edukaturi tagħna, imma anke lill-komunità inġenerali, permezz ta’ aktar riżorsi u ħiliet li tant huma importanti fid-dinja li qed ngħixu fiha.”
Clifton Grima, Il-Ministru
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Matthew Vella, qal kif il-litteriżmu diġitali hu pedament kruċjali għall-inkluzjoni soċjali, il-progress ekonomiku u l-parteċipazzjoni demokratika.

Hu żied jispjega kif din l-istrateġija tinkludi 16-il miżura u 50 azzjoni strateġika, kull waħda bi skeda ta’ żmien u responsabbiltajiet ċari.
“Strateġija b’erba’ pilastri – sittax-il miżura u ħamsin azzjoni. L-ewwel pilastru jitkellem fuq l-istudent. Student li rridu naraw student globali attiv bl-aspett diġitali li jkun fiċ-ċentru. It-tieni pilastru li qed naraw, l-importanza u s-sapport kollu li rridu nagħtu lill-edukaturi u n-numru ta’ miżuri biex nirrikonoxxu dak li qed isir fl-iskejjel mill-edukaturi”.
Matthew Vella, Segretarju Permanenti
Fil-bidu ta’ din it-tnedija, saret introduzzjoni dwar l-Istrateġija minn Neil Attard, Direttur tad-Dipartiment Digital Literacy and Transversal Skills fil-Ministeru għall-Edukazzjoni.