Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat nieda għal darb’oħra t-Training Initiatives Scheme. Skema li għaliha hemm allokati €40,000 u permezz tagħha membri ta’ għaqdiet volontarji jistgħu jiksbu sapport finanzjarju għat-taħriġ tagħhom.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Volontarjat Julia Farrugia Portelli, waqt żjara li għamlet fl-Oratorju tas-Salesjani ta’ Don Bosco.
Din l-iskema fiha żewġ programmi separati, wieħed għall-individwi membri ta’ għaqdiet volontarji biex jattendu taħriġ, u l-ieħor fuq livell organizzattiv għall-għaqdiet.
Intqal li minn meta twaqqfet din l-iskema fl-2018, ibbenefikaw minnha mija wieħed u tletin (131) għaqda volontarja jew membri ta’ għaqda volontarja u l-fondi kienu jammontaw għal madwar €300,000.
Robert Falzon, mill-Fondazzjoni Don Bosco tkellem dwar kif l-għaqda volontarja bbenefikat minn din l-iskema.
“Bħala Don Bosco Foundation, is-sena l-oħra bbenefikajna mill-fondi ta’ din l-iskema. Grazzi għal dawn il-fondi, aħna stajna nipprovdu taħriġ kemm lil żgħażagħ volontiera, li mhux dejjem ikunu jistgħu jaffordjaw iħallsu u kif ukoll inkunu ċertu fil-kwalità tat-taħriġ li noffru.”
Il-Project Leader tal-Fondazzjoni Don Bosco, Robert Falzon
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli saħqet fuq l-importanza ta’ din l-iskema.
“Importanti li l-għaqdiet volontarji f’pajjiżna jkomplu jiġġeddu u jkomplu jissaħħu l-importanza tal-ideat li jkun hemm skambju inkluż pajjiżi oħra u tat-taħriġ kontinwu.”
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli
L-applikazzjonijiet jagħlqu sat-22 ta’ Marzu f’nofsinhar fuq is-sit elettroniku vofunding.org.mt.