Mas-sittax-il elf negozju se jkunu qed jibbenefikaw mill-iskema tar-rifużjoni tal-kera li ġiet imnedija uffiċjalment waqt konferenza tal-aħbarijiet mtella’ mill-Malta Enterprise.
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri spjega li din il-miżura se tkun qed tkompli tgħin lin-negozji kollha li bħalissa qed jibbenefikaw mill-għajnuna tal-Gvern fil-ħlas tal-pagi u li joperaw minn postijiet li huma mikrija.
Il-Ministru Schembri spjega: “Neħħejna l-limitazzjoni tax-xhur, ħalli li naraw li dak in-negozju ż-żgħir jibbenefika l-massimu tal-miżura. Fil-fatt negpzju jista jibbenefika u sa ħamest iħwienet s-sussidju jitla sa €7,500.”
Schembri kompla jispjega li b’kollox din il-miżura, li hija parti mill-pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika tiswa ħamsa u erbgħin miljun ewro.
Il-miżura se tkun qed titħaddem b’sistema ta’ skali skont kemm il-ħaddiem timpjega l-intrapriża u kemm-il kera għandha.
Kumpaniji li jħaddmu sa disa’ impjegati u għandha kera waħda se jieħdu sa elfejn u ħames mitt ewro filwaqt li kumpaniji li jħaddmu aktar minn erbgħin impjegat se jdaħħlu sa massimu ta’ sebat elef u ħames mitt ewro.
ĦADDIEMA BIL-ĦLAS TAL-PAGI | KUNTRATTI TAL-KERA | RIFUŻJONI |
1-9 | 1 | €2,500 |
10-19 | 2 | €4,000 |
20-29 | 3 | €5,500 |
30-39 | 4 | €7,000 |
40+ | 5 | €7,500 |
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega li din il-miżura se tkun qed titħaddem bħall-iskema tar-rifużjoni tal-kontijiet tad-dawl.
Huwa qal: “L-iskema se tkun bbażata fuq kirja ta’ sena jiġifieri dak li jkun itella’ l-kuntratt tal-kera fuq is-sit tagħna u aħna nikkalkulaw fuq perjodu ta’ sena jekk jilħaqx l-€2,500 capping.”
Intant il-Ministru Schembri kompla jispjega li sa issa il-Gvern nefaq aktar minn mitejn miljun ewro fl-iskema tal-ħlas tal-pagi. Skema li laqtet wieħed u tmenin elf impjegat.