Għal sena oħra, l-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta (MDIA) nediet il-boroż ta’ studju taħt il-kappa ta’ Pathfinder Digital Scholarship. Skema li hija immirata biex tagħti appoġġ lill-edukazzjoni postgraduate fl-oqsma tal-Intelliġenza Artifiċjali u/jew Information Security, Quantum Computing, Machine Learning, Neural Networks u Robotics.
B’allokazzjoni totali ta’ €120,000, l-iskema Pathfinder toffri l-appoġġ lil dawk li jkomplu l-istudji f’dan il-qasam sabiex ikunu ta’ suċċess kemm fuq livell akkademiku u kif ukoll jikkontribwixxu b’mod effettiv lejn l-ekonomija Maltija.
Sabiex student ikun eliġibbli għall-Pathfinder, irid ikun applika jew qiegħed f’kors fuq livell ta’ Masters jew Dottorat, li jkun qed isir bejn il-31 ta’ Diċembru 2022 u l-31 ta’ Diċembru 2023. Kull student huwa eliġibbli sa massimu ta’ €10,000, li jikkonsistu minn tuition fees, bench fees u study allowance. L-applikazzjonijiet għal din l-iskema jagħlqu nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Lulju 2023.
Għal dawk l-istudenti li jkomplu fuq livell ta’ Masters, il-kors ma jistax ikun itwal minn tliet snin filwaqt li fil-każ ta’ Dottorat, dan ma jistax ikun itwal minn sitt snin. Jekk il-kors ikun fuq bażi ta’ full-time, il-fondi allokati jkopru 80% tat-tuition fees, il-bench fees kollha u study allowance ta’ €3,600 kull sena. Dan filwaqt li jekk ikun fuq bażi part-time, il-fondi allokati jkopru 80% tat-tuition fees u l-bench fees kollha.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri qal li biex pajjiżna jkun jista’ jibqa’ għaddej fir-rivoluzzjoni diġitali li qed ngħixu fiha, iridu fost oħrajn jinvestu fl-edukazzjoni.
“Kemm fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Intelliġenza Artifiċjali, kif ukoll fl-Istrateġija ta’ Malta Diġitali, sħaqna fuq l-importanza li jkollna ħaddiema speċjalizzati f’oqsma teknoloġiċi ġodda. L-iskema Pathfinder huwa wieħed mill-modi kif b’mod prattiku dan nistgħu nwettquh,” qal il-Ministru Silvio Schembri.
Dawn il-boroż ta’ studju se jwasslu biex is-suq tax-xogħol Malti ikun fornut b’individwi li għandhom il-ħiliet meħtieġa u b’hekk ikun hemm garanzija li l-istess suq ikun f’pożizzjoni aħjar biex jikkompeti fuq livell internazzjonali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA Kenneth Brincat ħeġġeġ lil dawk l-istudenti li huma interessati javvanzaw aktar fil-karrieri tagħhom billi japplikaw għall-korsijiet relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali jew Information Security, Quantum Computing, Machine Learning, Neural Networks u Robotics, sabiex ma jitilfux l-opportunità li jkunu mgħejuna finanzjarjament, speċjalment fid-dawl li l-ispejjeż ikunu konsiderevoli.
Sabiex wieħed jikseb aktar informazzjoni fuq Pathfinder għandu jżur is-sit www.mdia.gov.mt jew jibgħat email fuq pathfinder@mdia.gov.mt.