Is-Servizz Pubbliku nieda l-identità l-gdida tiegħu, bil-viżjoni li b’aktar investiment fl-infrastruttura u b’ħiliet diġitali jista’ jkompli jimmodernizza lilu nnifsu kif ukoll lill-pajjiż.
It-tnedija saret mill-Kap tas-Servizz Pubbliku, Tony Sultana, waqt il-ftuħ tal-ewwel edizzjoni ta’ The Public Service Expo. Dan l-avveniment qed jiġbor taħt saqaf wieħed I-Amministrazzjoni Pubblika kollha, bl-Expo sservi ta’ vetrina għall-aqwa għodod diġitali li jagħmel użu minnhom is-Servizz Pubbliku f’kull settur u qasam tal-ħajja.
II-Kap tas-Servizz Pubbliku qal li l-immodernizzar li għaddej minnu s-Servizz Pubbliku ma jiqafx biss mat-teknoloġija, iżda hi kwistjoni wkoll ta’ mentalità, bid-dħul ta’ prattiċi godda, proċeduri aktar rilevanti, u għodod innovattivi fosthom bl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali.
Waqt li kien qed jindirizza I-kapijiet tal-Amministrazzjoni Pubblika, Tony Sultana elenka I-viżjoni tiegħu ta’ amministrazzioni pubblika waħda għal poplu wieħed, li ma tagħmilx distinzjoni bejn dipartimenti, aġenziji u entitajiet, iżda li l-ħidma tagħha tkun ibbażata fuq ambizzjoni li x-xogħol isir aħjar.
L-Expo, li qed issir fl-MFCC Ta’ Qali, tesponi sistemi intelliġenti varji li jintużaw ta’ kuljum fis-Servizz Pubbliku. Dawn jinkludu sistemi li jiffaċilitaw permessi lokali, benefiċċji u sigurtà soċjali, kura u saħħa personali, ipproċessar ta’ applikazzjonijiet u sistemi ta’ parkeġġ fost oħrajn.
Wieħed jista’ jara wkoll sistemi diġitali ta’ interess uniku, fosthom bomb disposal robot, kċina diġitali, ologrammi ta’ statwi, passport system identifier, 3D Costume Scanning, robots varji, simulaturi tal-eSports, u scanning diġitali ta’ arkivji notarili li jmorru lura mijiet ta’ snin.
Se jkunu esposti wkoll sistemi diġitali li jassistu I-pajjiż fuq skala nazzjonali, fosthom I-Emergency Management Control Centre, Air Traffic Demos, u bosta oħrajn.
L-EXPO se tibqa’ miftuħa sa nhar il-Gimgħa li ġej, bl-aħħar postijiet ikunu disponibbli biss permezz ta’ registrazzjoni fuq is-sit tas-servizz pubbliku – publicservice.gov.mt.