Ġew imnedija l-ewwel tliet postijiet għas-servizz pubbliku li minnhom tista’ taħdem b’mod virtwali magħrufa bħala ‘remote workplaces’.
Dawn ser jagħmluha possibli biex ħaddiema tas-servizz pubbliku jaħdmu lil hinn mill-uffiċċju f’lokalitajiet qrib iżjed ta’ darhom.
Il-mira hi li sal-aħħar ta’ din is-sena, dawn it-tip ta’ uffiċċini jiżdiedu għal ħmistax madwar il-pajjiż.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar stqarr li permezz ta’ dawn l-uffiċini, is-servizz pubbliku ser isir iżjed kompetittiv b’ħaddiema iżjed kuntenti u titjib sostanzjali fis-servizz. Cutajar spjega kif filwaqt li bosta jkunu jridu jaħdmu ‘l bogħod mill-uffiċċju jkun hemm min ma jkunx jixtieq jibqa’ ġranet id-dar u għalhekk din is-sistema ser tkun qed tissodisfa l-bżonnijiet ta’ dawn il-ħaddiema wkoll.
Huwa stqarr: “Sal-aħħar ta’ din is-sena qed nippjanaw li jkollna ħmistax-il ‘remote workspace’. U dawn il-ħmistax ser ikunu mifruxin mal-gżira kollha u ser ikunu parti mill-għodda tal-kunċetti l-ġodda li qed invaraw fis-servizz pubbliku, biex ikollna servizz pubbliku iktar modern, iktar flessibbli, iktar b’saħħtu, u li jkun kapaċi jwassal is-servizzi tiegħu b’mod l-iktar effiċjenti u b’mod ta’ eċċellenza.”
Cutajar spjega kif din l-idea nibtet qabel il-pandemija, iżda din imbagħad offriet l-aqwa xenarju sabiex fih seta’ jsir proġett pilota. Fil-fatt dan seħħ permezz tal-ewwel remote workplace f’Santa Venera. Is-Segretarju Permanenti, tal-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, Anthony Gatt li mexxa dan il-proġett pilota spjega kif filwaqt li din is-sistema ser ittejjeb il-ħajja tal-ħaddiema u l-ambjent tax-xogħol sar wieħed li jappella aktar għad-dinja tal-lum, din ħolqot ukoll qafas ordnat għax-xogħol tas-servizz pubbliku.