Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Rebecca Buttigieg, nediet l-ewwel strateġija ta’ pajjiżna kontra t-traffikar tal-bniedem, li tfasslet b’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ esperti tal-Kunsill tal-Ewropa, fi programm ko-finanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.
Buttigieg qalet li l-istrateġija, flimkien ma’ pjan t’azzjoni, hi msejsa fuq ħames pilastri li jipprovdu għat-tisħiħ tal-ġlieda u l-prevenzjoni ta’ dan ir-reat serju, kif ukoll appoġġ għal dawk li jinqabdu bħala vittmi ta’ ċrieki ta’ kriminalità organizzata.
Jirriżulta li, fl-aħħar ħames snin, ġew identifikati mal-50 vittma ta’ traffikar uman f’pajjiżna, inkluż tliet Maltin stess, bil-każi l-aktar komuni jkunu assoċjati ma’ skopijiet ta’ prostituzzjoni u sfruttament fis-suq tax-xogħol.
Is-Segretarju Parlamentari qalet kif l-impenn tal-Gvern f’dan ir-rigward se jkompli jiżdied bl-istess strateġija u tibdil leġislattiv u amministrattiv fis-seba’ snin li ġejjin.
Fil-fatt twaqqaf kumitat inter-ministerjali, li se jkun qed iwettaq azzjonijiet meħtieġa, isegwi l-implimentazzjoni tal-istrateġija u jara li pajjiżna jkollu l-aħjar prattiċi fil-qasam kemm biex it-traffikanti jiffaċċjaw il-ġustizzja u biex tingħata l-għajnuna meħtieġa lill-vittmi.
Dwar dan, tkellimna ukoll mas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, li fis-snin li għaddew ukoll ħadu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni relatat.
“Ħdimna kollha flimkien biex nikkumbattu aktar t-traffikar uman kemm fuq l-ibħra tagħna u minn fejn ikun ġej, kif ukoll fil-gżejjer tagħna li jista’ jkun hemm traffikar fil-gżejjer tagħna u kif nistgħu ngħinu lill-vittmi tat-traffikar.”
Waqt li semmiet li l-proċess se jkompli għaddej anke ma’ għaqdiet mhux governattivi u setturi, li jistgħu jkunu involuti, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li, fl-aħħar tliet snin, id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem ħa diversi inizjattivi biex isaħħaħ il-kapaċitajiet tiegħu, inkluż b’taħriġ lill-uffiċjali pubbliċi u kampanji ta’ għarfien għall-pubbliku.
Fl-2018, il-Gvern ta prova tad-determinazzjoni tiegħu billi emenda l-liġi relattiva biex żied il-pieni minn minimu ta’ erba’ snin għal sitt snin ħabs għal minn jinstab ħati ta’ traffikar u diġà kien hemm sentenzi fil-Qorti li jirriflettu dan.
“Din hi l-ewwel strateġija li qed inniedu bħala Gvern biex, b’mod aktar effettiv, nikkonsolidaw il-ħidma li qed jagħmlu l-entitajiet rispettivi biex niġġieldu l-pjaga tat-traffikar tal-bnedmin. Għaldaqstant, b’din l-istrateġija qed inkunu nagħmlu ħilitna kollha, inżidu l-impenn tagħna bħala Gvern biex nevitaw li jkun hawn aktar vittmi ta’ traffikar tal-bniedem, jkun hemm aktar persekazzjonijiet effettivi u, finalment, ikun hemm appoġġ aktar sostanzjali lill-vittmi. Għaldaqstant, bħala Gvern se nkomplu nsaħħu l-ħidma tagħna biex nirrispettaw dejjem id-drittijiet tal-bniedem.”