Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet l-attività kulturali ‘Calypsoed’, festa ta’ mużika li ser tittella’ ħdejn is-sit turistiku tal-Għar ta’ Calypso fix-Xagħra Għawdex.
Il-qofol ta’ din l-attività, imtella’ mix-Xagħra United Football Club, ser ikun il-kunċert mill-grupp popolari ta’ The Travellers.
Il-Ministru Caruana spjegat kif din l-attività ser tittella’ b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex, dan grazzi għall-fondi mill-iskema tal-attivitajiet kulturali.
Il-Ministru Caruana żiedet tgħid kif din; “hija opportunità biex bħala Ministeru għal Għawdex inkomplu nipromwovu mhux biss it-talent lokali imma wkoll il-wirt kulturali u naturali tagħna, speċjalment meta wieħed iqis illi l-inħawi ta’ Calypso Cave huma attrazzjonijiet importanti f’Għawdex u huma wkoll mertu ta’ proġett illi qed jaħdem fuqu l-Ministeru għal Għawdex biex inkomplu nippreservaw l-ambjenti naturali li għandha, speċjalment hawnekk f’din iż-żona li għandha rabtiet u għeruq storiċi importanti ħafna, saħansitra sa żmien il-mitoloġija Griega.”
Il-Ministru Caruana stqarret li l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex, dik li jiffaċilita l-aċċess tal-kultura għal kulħadd, qed jilħaq l-għanijiet tiegħu peress li qed jiġu organizzati bosta attivitajiet li jmorru lil hinn mill-postijiet li ġeneralment huma sinonimi ma’ dawn l-attivitajiet. Hi fakkret kif matul ix-xhur tas-sajf ġew organizzati attivitajiet f’kull rokna tal-gżira, li dejjem attiraw lejhom attendenza numeruża.
Din l-attività ser tittella’ fil-31 ta’ Awissu mill-klabb tal-futbol tax-Xagħra United, tim li għadu ħiereġ frisk miċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħ tal-leg tat-tieni diviżjoni, u b’hekk il-promozzjoni għall-ewwel diviżjoni fil-kampjonat Għawdxi.
Fost il-kantanti lokali u gruppi mużikali ser jieħdu sehem f’din l-attività, insibu lil The Travellers, Grove Street, DJ Pierre Cordina, u diversi kantanti oħra.