- Imniedi pjan strateġiku għas-snin 2017-2020 u Brand Image, wiċċ li se jkun qed jidentifika lill-Akkademja
Illum ġiet imnedija b’mod uffiċjali l-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati. Apparti minn hekk ġie mniedi pjan strateġiku li se jkun qed ikopri s-snin bejn l-2017 u l-2020 u kif ukoll wiċċ li se jkun qed jidentifika l-Akkademja.
Bit-twaqqif tal-Akkademja għal Korpi Dixxiplinati bdiet era ġdida fit-taħriġ tal-4,500 membru li jiffurmaw il-Pulizija, l-Protezzjoni Ċivili, l-Faċilita’ Korrettiva Kordin u l-Armata. Din hi ħolma oħra li qed issir realtà għal prijorità għas-servizz fejn jidħol is-sigurtà tal-pajjiż, qal da nil-Ministru Carmelo Abela.
Hu qal li l-Gvern irid li kull ċittadin iħossu sikur fil-loktalità fejn jgħix għalekk servizz tal-ogħla kwalità fil-protezzjoni huwa indispensabbli.
L-għan tal-Akkademja huwa wieħed ċar; dak ta’ taħriġ u edukazzjoni b’dixxiplina.
Fl-aħħar xhur, minn meta din twaqqfet legalment diġa bdew isiru l-ewwel passi. Twaqqaf il-Bord tat-tmexxija, il-Bord Akkademiku u għaddej il-proċess tal-ingaġġ għal-istaff amministrattiv.
Pjan Strateġiku 2017-2020
Illum tnieda l-pjan ta’ strategija għas-snin 2017-2020 bl-awtoritajiet li jmexxu l-4 forzi ingħaqdu biex ifasslu l-futur tat-taħriġ tagħhom flimkien.
Il-kontenut tal-Pjan Strategiku ta’ l-Akkademja, ġie żviluppat permezz ta’ konsultazzjoni mal-membri tal-ħames Forzi Dixxiplinati u permezz ta’ benchmarking internazzjonali ma’ istituzzjonijiet ta’ taħriġ fil-qasam tal-infurzar, il-protezzjoni, is-sikurezza u s-sigurtà fil-pajjiżi varji inklużi l-Awstralja, il-Kanada, l-Irlanda, l-Olanda, ir-RenjuUnit u l-Istati Uniti.
Dan id-dokument poġġa l-qasam prinċipali tiegħu: l-Edukazzjoni u Taħriġ
L-Akkademja se taħdem biex tiżviluppa programmi edukattivi bbażati fuq ħames pilastri:
- Pilastru 1: Taħriġ tar-Rekluti
- Pilastru 2: Taħriġ Speċjalizzat
- Pilastru 3: Taħriġ għall-Avvanz fil-Karriera
- Pilastru 4: Taħriġ għall-Flessiblità fil-Karriera fi ħdan il-Forzi diversi u lil’hinn
- Pilastru 5: Akkreditazzjoni tat-Tagħlim li nġabar matul iż-żmien bl-esperjenza
Tnedija tal-Brand Image
Ingħata wiċċ li jidentifika lil din l-Akkademja. Il-Ministru Abela qal li permezz ta’ din id-dehra riedu jassiguraw li dan ma jibqax il-post ta’ xi entità waħda imma tal-4 Korpi f’daqqa. L-għan hu li l-personalità li tingħata l-Akkademja tkun waħda li tirrappreżenta lill-Korpi fil-karattru uniku tagħhom u taspira sens ta’ kburija fir-rekluti filwaqt li tkun f’konformità mal-aqwa akkademji internazzjonali. Dan peress li l-ħsieb għal quddiem huwa li din tibda tatratta wkoll studenti barranin.
Il-ħsieb wara l-Logo
L-ittra A tal-Akkademja li fiha hemm 4 linji separati li jfissru l-4 Korpi Dixxiplinati li qed jingħaqdu f’daqqa fil-ponta tal-ittra A. L-A tista’ wkoll tissimbolizza piramida li tissinifika “strength” u “resilience”.
Il-kulur vjola huwa l-kulur li meta tħallat iż-żewġ kuluri li jinstabu fl-4 korpi kollha – il-blu u l-aħmar jiġi f’dan il-kulur.
Apparti minn hekk, permezz tal-Programm Erasmus Plus, l-Akkademja se tkun qed toffri lill-membri tal-Forzi Dixxiplinati skambji ta’ korsijiet u programmi ta’ internships.
L-Akkademja għandha l-għan li parti mill-edukazzjoni ta’ l-istudenti ssir f’pajjiż iehor ta’ l-Unjoni Ewropeja bħal ma diġà jsir bejn akkademji oħra barra minn Malta.
Membri tal-Forzi Dixxiplinati se jibbenefikaw ukoll minn Internship Programm taħt il-programme ta’ l-Erasmus, fejn membri tal-forzi jistgħu jaħdmu barra għal perjodi qasir fl-organizzazzjonijiet simili, dan biex jiksbu esperjenza professjonali.
Din l-Akkademja għandha isservi wkoll bħala istituzzjoni ta’ Riċerka.
L-Akkademja se tkun f’pożizzjoni li tipprovdi servizzi ta’ għarfien u ta’ riċerka, li jistgħu jitwettqu mill-membri akkademici u speccjalizzati fil-fakultajiet tagħha.