Taħt it-tinda tal-MFCC f’Ta’Qali, għexieren ta’ negozji qed jieħdu sehem u jesponu l-prodotti u s-servizzi tagħhom fil-Malta Trade Fair, bit-tema ‘Summer Feels, Summer Deals’.
Sa mill-bidu tagħha, it-Trade Fair, mhux biss kienet ħarġa għall-familji, iżda wkoll opportunità għan-negozji u l-konsumaturi biex jiltaqgħu taħt saqaf wieħed.
Kien proprju għal dan l-għan li bdiet din il-fiera, lura fl-elf disa’ mija u tnejn u ħamsin, biex tagħti spinta ’l kummerċ wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
Fil-bidu ta’ din l-erbgħa u sittin edizzjoni, li qed issir b’mod sħiħ wara l-pandemija, tkellimna ma’ diversi bejjiegħa.
Qalu, “Jien għalija l-Malta Trade Fair, huwa opportunità kbira li nitlaqa’ mal-Maltin u l-Għawdxin. Aħna l-World Marketing nieħdu gost nilqgħu lill-Maltin, festa ta’ ikel u xorb.”
“Opportunità biex nesebixxu x-xogħol tagħna, dak li nkunu ilna naħdmu għalih matul is-sena u nittamaw li nilħqu ammont kbir ta’ nies.”
“Ikollok aktar ċans li tesebixxi l-prodotti li għandna fis-suq.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-MFCC, Anita Mifsud, fakkret li, minkejja l-popolarità tax-xiri onlajn, din il-fiera hi opportunità biex wieħed ikollu esperjenza ta’ xiri aktar tanġibbli, permezz ta’ għażla ta’ prodotti li jista’ jara b’għajnejh.
Qalet, “Din hija opportunità tajba ħafna, għall-konsumatur biex jaraw x’hawn fis-suq.”
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri stqarr kif tul dawn is-snin kollha, il-kunċett oriġinali baqa’ validu: li din il-fiera tkun post fejn jitlaqqgħu l-bejjiegħa u l-konsumaturi.
Qal, “Tara dan l-ammont ta’ esebituri kbar, bil-kuraġġ li għandhom, u meta titkellem magħhom jgħidulek, aħna fiduċjużi, l-attività b’saħħitha u d-domanda b’saħħitha li għaddejja l-ekonomija ta’ pajjiżna, ikun wieħed mill-aqwa ċertifikati li Gvern jista’ jkollu.”
Din l-edizzjoni qed toffri wkoll l-opportunità ta’ motor market, jiġifieri li wieħed ibigħ il-vetturi tiegħu, b’pagament żgħir.
It-Trade Fair se tkun miftuħa mit-23 ta’ Ġunju sat-2 ta’ Lulju, mis-6.30pm sal-11.30pm, u se toffri wkoll divertiment għall-familja kollha.