Waslet fl-40 edizzjoni tar-Rolex Middlesea Race – it-tellieqa klassika għall-jottijiet fiċ-ċentru tal-Mediterran li tibda u tispiċċa minn pajjiżna u li tiġbed lejha għadd kbir ta’ spettaturi u atleti li jipparteċipaw f’dan l-avveniment.
It-tluq is-Sibt filgħodu huwa mill-Port il-Kbir lejn Sqallija, Pantellerija u Lampedusa qabel il-jottijiet jispiċċaw lura Marsamxett bejn it-Tlieta u l-Erbgħa tal-ġimgħa d-dieħla.
It-tellieqa tattira wkoll numru kbir ta’ turisti u dilettanti tas-settur tal-ibburdjar.
Peter Dimech, mill-kumitat organizzattiv qal li din is-sena qed jistennew rekord jekk il-kundizzjonijiet tat-temp ikunu sfruttati tajjeb.
Dimech stqarr: “Hemm ċans li jidħol il-Majjistral it-Tnejn jew it-Tlieta li jiffavorixxi d-dgħajjes li jkunu jgħaġġlu iktar għax ikunu laħqu daru ma’ Sqallija u jkollhom riħ impoppa.”
Fisser ukoll kif hemm mat-tliet dgħajjes Maltin li qed jitqiesu favoriti li jirbħu t-tellieqa.
Waqt it-tnedija, l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li dawn l-avvenimenti huma importanti sabiex jattiraw niċeċ ta’ turiżmu differenti lejn pajjiżna.
Il-Ministru Mizzi sostna li “Għandna bżonn ikollna prodott aħjar u aktar avvenimenti mondjali. Ir-Rolex Middlesea Race hija waħda minn dawk. Il-Yachting u l-inizjattivi tal-Yachting Malta flimkien mal-improvement fil-prodott li qiegħed isir, se jkunu parti integrali minn din l-istrateġija biex pajjiżna nattiraw world class events li jkollhom exposure madwar id-dinja.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima tenna l-appoġġ tal-Gvern għal din l-inizjattivi.
Is-Segretarju Parlamentari qal: “Aħna nafu li għandna żgħażagħ li għandhom talent importanti ħafna fix-xena tal-yachting u allura għalfejn le fis-sailing li nistgħu naħdmu anka f’dak li għandu x’jaqsam ma’ strateġija nazzjonali għall-isport sabiex permezz tagħha jkollna atleti ta’ għada li jkunu jistgħu jiksbu riżultati fuq livell internazzjonali.”
L-Italja hija l-iktar pajjiż li qatt rebaħ edizzjonijiet tal-Middlesea Race, b’jottijiet minn pajjiżna jirbħu din it-tellieqa sitt darbiet.