Tnediet il-11-il edizzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Volontiera organizzat mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju.
L-għan tal-attività huwa li jkun ippremjat volontier individwali li jkun ikkontribwixxa f’xi qasam.
Fost id-diversi oqsma, hemm dawk soċjali, umanitarju, saħħa, sports u edukazzjoni, fost oħrajn.
Minn din is-sena flimkien mal-Premju Nazzjonali tal-Volontieri se jkun hemm ħames premjijiet oħra.
Il-premjijiet il-ġodda huma; Premju għall-Volontarjat taż-Żgħażagħ, Premju għall-Organizzazzjoni tal-Volontarjat, Premju għall-Appoġġ Volontarju Korporattiv, Premju Speċjali għal Ħidma Volontarja fil-Komunità, u Premju Victor Calvagna għat-Tfal fil-Volontarjat.
It-tnedija tal-Premju Nazzjonali tal-Volontieri għas-sena 2022 saret f’attività preseduta mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli.
Fid-diskors tagħha hi qalet li dan il-premju huwa mibni fuq il-pedament tal-isprazzjoni għal parteċipazzjoni u kontribut biex is-soċjetà Maltija ta’ għada tkun aħjar minn dik tal-lum.
L-attività kienet indirizzata wkoll minn Noel Camilleri, Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju.
Hu qal li avveniment bħal dan ikun qed jagħti rikonoxximent mistħoqq lil voluntiera li jiġu nominati u lil dawk l-eluf hemm barra li jiddedikaw ħinhom għal komunita.
L-applikazzjonijiet għan-nomini għal dawn il-premjijiet huma miftuħin u jagħlqu fil-5 ta’ Novembru 2022. Il-formola tinsab onlajn fuq dan is-sit.