Tnediet konsultazzjoni nazzjonali dwar l-ewwel strateġija nazzjonali tal-kura paljattiva għall-perjodu bejn l-elfejn tlieta u għoxrin u l-elfejn tlieta u tletin.
Waqt it-tnedija tal-konsultazzjoni nazzjonali, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, qal li għalkemm mhux possibbli li kulħadd jitfejjaq minn mard serju, huwa possibbli li l-ħajja tibqa’ dejjem dinjituża u faċli kemm jista’ jkun.
Huwa saħaq fuq l-importanza tal-kura paljattiva fid-djar tal-pazjenti stess, għax meta wieħed ikun wasal lejn l-aħħar ta’ ħajtu, tkun esperjenza ferm aktar komda jekk wieħed ikun id-dar mal-maħbubin tiegħu milli fi sptar imdawwar minn nies li ma jafhomx.
F’dan il-kuntest, id-Deputat Prim Ministru tkellem dwar l-importanza ta’ speċjalisti multidixxiplinarji li jkunu jistgħu jmorru fid-djar tan-nies biex jagħtu l-kura, u din il-kura tkun waħda tajba daqslikieku tkun qed tittieħed fi sptar.
Huwa fakkar kif il-Gvern diġà investa b’mod sinifikanti fil-kura paljattiva fil-komunità permezz ta’ kollaborazzjonijiet ma’ għaqdiet nongovernattivi, u qal li l-Gvern se jiftaħ faċilità ġdida ta’ dan it-tip.
“Flimkien ma’ numru ta’ NGOs se nkomplu nagħtu servizz, anke ta’ hospices madwar il-pajjiż. Għandna diġà numru ta’ inizjattivi ma’ Dar Bjorn, pereżempju, u issa wkoll mal-Hospice se nkunu qed niftħu, fix-xhur li ġejjin, binja ġdida, Hospice San Mikiel. Il-Gvern diġà ta tmien miljun ewro għall-binja ta’ dan l-isptar, u issa b’investiment ta’ erba’ miljun ewro fis-sena.”
L-istrateġija li se tiġi diskussa fil-ġimgħat li ġejjin hija waħda ambizzjuża ferm, u l-implimentazzjoni tagħha se tkun maqsuma fuq medda ta’ żmien. L-għan aħħari tagħha huwa li l-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti fil-kura paljattiva tkun waħda tajba kemm jista’ jkun.
Għan importanti ieħor huwa li l-qraba tal-pazjenti jingħataw is-sapport kollu meħtieġ waqt u anke wara l-kura, u l-istrateġija se tkun qed tħares lejn il-kura ta’ dan it-tip f’persuni ta’ kull età.
L-istrateġija se timmira wkoll li ssir ħidma mill-qrib mal-partijiet kollha li għandhom interess f’dan il-qasam, kemm dawk li jaqgħu taħt il-Gvern, u anke ’l barra mill-Gvern.