Tnediet għall-konsultazzjoni pubblika l-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja għas-snin 2024-2031, bit-tema ‘Nilħqu Livelli Ġodda’. Din l-istrateġija se jkollha l-għan li ttejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità tas-servizzi u l-kwalità tal-ħajja ta’ persuni f’Malta li jgħixu bil-kundizzjoni tad-dimensja.
Din l-istrateġija tidentifika oqsma ta’ prijorità li se jgħinu lin-nies li jgħixu bil-kundizzjoni tad-dimensja u lil dawk li jieħdu ħsiebhom. L-għanijiet li għandhom jintlaħqu permezz ta’ din l-istrateġija jinkludu li jiżdied l-għarfien dwar id-dimensja; jitnaqqas ir-riskju li persuna tiżviluppa d-dimensja billi jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni; li tingħata djanjożi bikrija tad-dimensja; titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ persuni li jgħixu bid-dimensja; aktar taħriġ għall-persuni li jaħdmu ma’ pazjenti simili; u tissaħħaħ is-sistema ta’ kura ħolistika, li tpoġġi l-persuna fiċ-ċentru tal-pjan ta’ kura; fost diversi miżuri oħrajn.
Filwaqt Ii spjega l-viżjoni tal-Gvern, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, qal li din l-istrateġija tkompli tibni fuq il-progress li sar matul l-implimentazzjoni tal-ewwel strateġija simili.
Minn analiżi tal-miri implimentati fl-ewwel strateġija, ġew identifikati oqsma ta’ azzjoni fl-istrateġija li tpoġġiet għall-konsultazzjoni pubblika biex jiġi indirizzat dak li pajjiżna jeħtieġ.
Il-Ministru Abela qal li din l-istrateġija se tassigura li nies li għandhom id-dimensja, jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar permezz tat-tibdil meħtieġ.
“Inħajjar, inħeġġeġ lill-pubbliku biex jieħu sehem f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar din l-istrateġija, kull feedback hu importanti ħalli f’Jannar li ġej din l-istrateġija tiġi varata u teħodna għas-seba’ snin li ġejjin.”
Il-pubbliku jista’ jissottometti kwalunkwe kummenti jew suġġerimenti sat-30 ta’ Novembru 2023. Id-dokument ta’ konsultazzjoni jista’ jiġi aċċessat minn fuq is-sit tal-Gvern – https://www.gov.mt/mt/publicconsultation/Pages/2023/NL-0040-2023.aspx.