B’kollaborazzjoni bejn il-Gvern Malti u l-artisti Ira Losco u Matthew James Borg, tnediet kanzunetta oriġinali bl-isem ta’ ‘Tbissem’.
Wara iktar minn sena f’pandemija, din il-produzzjoni mużikali twassal messaġġ ta’ kuraġġ lill-familji kollha Maltin u Għawdxin, issa li pajjiżna kompla jsaħħaħ it-tilqim tal-poplu u beda l-proċess kawt tar-rilaxx ta’ miżuri ristrettivi.
Is-silta tfakkar fil-mumenti sbieħ li konna ngħixu qabel l-isfidi li ġabet magħha l-Covid-19, u toħloq it-tama għall-ġranet iktar ferrieħa li se jaslu mill-ġdid.
Filwaqt li tfakkarna li m’għandu jkun hemm xejn li jżomm lura l-ferħ anke fi żminijiet diffiċli, il-messaġġ pożittiv tal-kanzunetta jinbena madwar it-tbissima li se terġa’ titnissel fostna kollha u li terġa’ ssebbaħ il-pajjiż hekk kif inkunu f’pożizzjoni li mill-ġdid ngħixu l-ħajja b’imħabba u nkomplu nfasslu bla biża’ l-futur ta’ uliedna.
Din il-kanzunetta oriġinali għandha kliem u mużika ta’ Kris Spiteri.