Tnediet il-kampanja “L-ilsien Malti għal qalbi”, immirata biex tissalvagwardja l-lingwa Maltija u tara li l-Malti jintuża tajjeb.
Il-kampanja se titmexxa mill-President ta’ Malta b’kollaborazzjoni ma’ għaqdiet tal-Malti.
Fit-tnedija tal-kampanja fil-Palazz ta’ Sant Anton, ġie spjegat kif l-idea għal din il-kampanja ilha li nibtet sa minn qabel il-pandemija, hekk kif inħass il-bżonn li jinkisru ċertu sterjotipi marbutin mal-Malti; bħal dak li l-Malti huwa tal-Maltin biss.
Il-President ta’ Malta, George Vella spjega li kull lingwa trid tevolvi, iżda dan irid isir b’mod li ma jinqerdux karatteristiċi tal-lingwa Maltija.
Qal, “Il-mira hija li kemm jista’ jkun nagħmlu minn kollox biex insalvaw dak kollu li nistgħu mill-ilsien Malti. Tgħidli mela l-ilsien Malti qed jitkisser? L-ilisen Malti bil-mod jekk ma noqodux attenti qed jiġi mikul u qed joħodlu postu ħafna kliem barrani u espressjonijiet li ġejjin minn lingwi oħra. Għamilniha ċara hawn li bl-ebda mod m’aħna nitkellmu dwar li nagħmlu ħsara jew inwarrbu lingwi oħra biex insalvaw il-Malti.”
Il-membru fil-kumitat tal-ħidma tal-kampanja, Keith Azzopardi, innota li ħafna barranin li jgħixu f’pajjiżna diġà jitkellmu bil-Malti u huwa fatt magħruf li bosta riċerkaturi barranin jitgħallmu l-Malti.
L-appell tiegħu kien biex wieħed ma jiddejjaq qatt juża l-lingwa t’art twelidu, speċjalment fi żmien meta t-teknoloġija tagħmilha aktar faċli li lingwa mitkellma u miktuba, tinxtered.
Qal, “Naħseb l-ewwel prijorità għandha tkun li nħaddmu l-Malti. Ħafna drabi jiġri li b’għażż jew xi kultant anke b’mistħija, ma nħaddmux il-Malti. Jien inħeġġeġ lin-nies sabiex anke jekk jibżgħu li se jkunu se jiżbaljaw. Xi kultant ikun hemm dik il-problema ta’ kunfidenza iktar minn xejn. Imbagħad ladarba dak li jkun jibda jħaddem il-Malti, tajjeb li jibda jħaddmu b’mod preċiż u b’mod iktar korrett. Imma dak huwa pass li jiġi wara, il-prijorità hi li l-ewwel inħaddmu l-Malti, u wara dak li jkun bla ma jrid joqgħod iktar attent fuq kif iħaddmu.”
L-appell tal-President kien immirat ukoll lejn il-mezzi tax-xandir, li jġorru magħhom responsabbiltà ikbar biex jaraw li l-Malti jintuża b’mod korrett.