Hekk kif Għawdex ikklassifika mal-ewwel 100 destinazzjoni tal-2017 Sustainable Destinations Top 100, il-Ministru Justyne Caruana qalet li dan ifisser li Għawdex għandu potenzjal u allura iktar u iktar għandna responsabbiltà għaż-żamma tal-indafa, kemm għall-Għawdxin infushom kif ukoll għal dawk kollha li jżuruna. Kien għalhekk li l-Ministru għal Għawdex ħabbret investiment ta’ €150,000 f’makkinarju ġdid għat-tindif biex jiġu indirizzati żoni differenti bi sfidi differenti.
Dan l-investiment jikkumplimenta l-ħidma tal-intervention teams il-ġodda li issa l-operat tagħhom sar ħafna iktar viżibbli u d-differenza qed tinħass. “Il-ħidma qed issir bi pjan tant li diġà saru laqgħat apposta mal-Kunsilli Lokali biex tkun ikkoordinata l-ħidma għal Għawdex iktar nadif, kif ukoll konferenza bl-involviment tal-istakeholders kollha, inklużi entitajiet tal-Gvern u tas-settur privat”, qalet il-Ministru Caruana.
Hija fissret li huwa importanti li f’din il-missjoni l-Ministeru għal Għawdex jissieħeb ukoll mas-settur tal-volontarjat. Kien għalhekk li l-ħaddiema tal-Gvern tas-sezzjoni tal-indafa pubblika se jissieħbu ma’ għadd sabiħ ta’ voluntieri biex isir tindif f’diversi nħawi ta’ Għawdex, kemm fuq l-art kif ukoll taħt il-baħar. Dan ix-xogħol se jsir skont skeda maqbula kull xahar. Il-Ministru Justyne Caruana saħqet li hemm bżonn nimmobilizzaw lil kulħadd biex inqajjmu iktar kuxjenza u niksbu riżultati iktar malajr. Ċentrali fost din il-ħidma kollha huwa l-involviment tat-tfal u għalhekk inħoloq karattru bl-isem ta’ “Broxkinu”, bi rwol edukattiv immirat għat-tfal.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana irringrazzjat lill-ħaddiema u lill-voluntiera kollha għall-ħidma tagħhom u esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-interess ġenerali f’din il-kampanja. Fl-istess waqt kompliet tħeġġeġ lill-pubbliku biex jipparteċipa f’din il-kampanja anki billi jirrapportaw għand il-Ministeru fuq in-numru 80075556 jew permezz ta’ e-mail fuq servizz.mgoz@gov.mt