Il-kampanja edukattiva u informattiva Wines of Distinction li tnediet illum se tkun qed tiffoka fuq xi jfisser is-siġill DOK Malta, DOK Gozo u IGT Maltese Islands u għandha l-għan li ġġib il-poplu Malti aktar konxju u tqajjem interess fl-inbejjed lokali ta’ kwalità.
Studju riċenti li sar mid-Direttorat tal-Agrikoltura jindika li filwaqt li ċ-ċertifikazzjoni DOK u IGT ilha f’pajjiżna għaxar snin, u minkejja li jidher li l-perċezzjoni dwar inbid lokali ta’ kwalità ħadet xejra pożittiva, huwa ċar li għad fadal il-bżonn li jkun hemm aktar għarfien dwar l-inbejjed u l-kwalità tagħhom.
Waqt it-tnedija uffiċjali tal-kampanja, is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura Clint Camilleri qal li wara taħdidiet li kien hemm mal-produttri tal-inbid f’Malta sabiex jiġu mifhuma aħjar il-bżonnijiet tagħhom sar pjan sabiex ikompli jsir investiment fil-kampanja ta’ promozzjoni tal-inbid, bil-għan li tqajjem kuxjenza u interess dwar il-karattru distintiv ta’ nbejjed ta’ kwalità prodotti f’Malta skont il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi kif irregolata mill-Unjoni Ewropea.
Huwa stqarr li jinsab kburi li f’Malta u f’Għawdex nipproduċu inbejjed ta’ kwalità għolja u distinta illi ġew rikonoxxutti mill-Unjoni Ewropeja u protetti bl-istess mod li huma protetti inbejjed tal-ogħla kalibru fl-Ewropa kollha.
Skont il-qafas regolatorju tal-Unjoni Ewropeja, is-siġill DOK (Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata) jingħata lill-inbejjed li jissodisfaw kriterji rigward il-kwalità, l-awtentiċità, iż-żona ġeografika u l-varjetà tal-għeneb. Lokalment nistgħu nsibu kemm DOK Malta u DOK Gozo, bħala inbejjed tal-ogħla kwalità.
Mill-banda l-oħra, is-siġill IGT (Indikazzjoni Ġeografiċa Tipika) Maltese Islands jindika nbejjed oħra ta’ ċerta distinzjoni. Bħalissa f’Malta hawn disa’ għassara jew produtturi tal-inbid DOK u IGT, li bejniethom jikkultivaw madwar 450 ettaru ta’ dwieli. Bejn 2016-2017, il-produzzjoni laħħqet 458,866 litru ta’ inbid.
Din il-kampanja, li se tkun immexxija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, ġiet imfassla bil-kollaborazzjoni ta’ task force magħmula mill-għassara lokali li diġà qed jipproduċu inbejjed DOK u IGT. Il-kampanja li ġiet ippjanata fuq medda ta’ sentejn se tkun imnedija kemm fuq it-televiżjoni, radju, billboards, rivisti, kif ukoll fuq online portals lokali u fuq il-midja soċjali. Se ssir ukoll Wine Appreciation Event u se tkun imnedija rotta tal-inbejjed (wine trail) li tiġbor fiha l-għassara fiż-żewg gżejjer.
L-iskop aħħari hu li kemm il-popolazzjoni lokali, kif ukoll ir-residenti barranin li jgħixu f’Malta, jagħrfu d-dedikazzjoni u x-xogħol kollu li jsir biex inbid ta’ kwalità bħal DOK Malta, DOK Gozo u IGT Maltese Islands jasal fuq il-mejda tal-konsumatur.