Il-Gvern u l-Kamra tal-Inġiniera niedew kampanja mmirata biex tressaq l-istudenti lejn l-Inġinerija. Is-Segretarju Parlamentari għaż-żgħażagħ Clifton Grima qal li din hija linja tax-xogħol li toffri opportunitajiet diversi, u din il-kampanja partikolari hija eżempju ta’ kif wieħed jista’ jibbenefika mill-iskema tal-Gvern għall-Proġetti.
Huwa stqarr: “Bħala Gvern nemmnu li dan is-settur jista’ jikber u jilħaq il-miri neċessarji. Nemmnu li rridu nagħtu l-ispazju neċessarju, f’dan il-każ, lill-Kunsill Malti għall-Volontarjat u l-Kamra tal-Inġiniera sabiex jikkollaboraw u permezz ta’ din l-iskema tal-finanzjament VOPS se jkunu jistgħu jilħqu aktar studenti, żgħażagħ u tfal li jkunu jistgħu potenzjalment iħarsu ‘l quddiem għall-karriera f’dan is-settur.”
Il-President tal-Kamra tal-Inġiniera, Malcom Zammit qal li l-kampanja se tolqot lil dawk affaxxinati bix-xjenza u t-teknoloġija li jixtiequ jtejbu l-ħajja ta’ madwarhom permezz ta’ din il-linja ta’ xogħol.
Huwa faħħar ukoll l-iskema tal-fondi għal proġetti tal-għaqdiet volontarji li mingħajrha, din il-kampanja ma setgħatx issir.
Zammit spjega: “Għaldaqstant għall-proġett applikajna b’suċċess għall-sikema fondi VOPS tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat u għaldaqstant għandi ngħid li proġetti bħal dawn jagħtuk mhux biss il-fondi però jagħtuk il-kapaċità sabiex taħdem m’għaqdiet volontarji oħra.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandolo sostna kif huma diversi għaqdiet volontarji li jsibu spalla minn skemi ta’ fondi simili.
Huwa sostna: “Fil-fatt huwa l-għan tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat li dan jara li dawn il-proġetti jkunu ta’ suċċess b’tali mod li nkunu nistgħu nkunu iżjed ta’ servizz lejn il-komunità u lejn l-għaqdiet infushom.”