Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-Perit Alan Saliba, wara konsultazzjoni mal-Ombudsman Parlamentari, l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon, ta bidu għal investigazzjoni komprensiva fuq inizjattiva proprja dwar permessi maħruġa għall-istalel mill-Awtorità tal-Ippjanar sa mill-implimentazzjoni tar-Rural Policy and Design Guidance fl-2014.
Din l-inizjattiva għandha l-għan li tiżgura li l-proċess tal-ħruġ ta’ permessi għall-istalel huwa skont il-linji gwida u jitwettaq b’integrità u trasparenza.
L-investigazzjoni se tiffoka fuq diversi aspetti kritiċi biex taċċerta li l-permessi maħruġa huma skont il-policies u rregolamenti stabbiliti. Fosthom hemm il-prevenzjoni tal-abbuż tal-permessi, verifika dwar is-sidien jew propjetarji u l-verifika tar-reġistrazzjoni ekwina, fost oħrajn.
Dwar din tal-aħħar l-investigazzjoni se teżamina jekk kull permess għal stalla huwiex korreltat ma’ żiemel reġistrat, filwaqt li tiżgura li l-faċilitajiet huma utilizzati propju għall-iskop li huma maħsuba għalih.