Il-Paolo Freire Institute u l-Vodafone Malta Foundation nedew ‘Iċ-Ċavetta’, għodda diġitali ġdida bil-Malti mmirata lejn adulti u żagħżagħ li qed jaffaċċjaw esklużjoni soċjali u sfidi biex isibu impjieg.
Dan ir-riżors jista’ jiġi aċċessat bla ħlas mis-sit cavetta.org.mt, jew inkella permezz ta’ applikazzjoni li tista’ titniżżel mill-Apple App Store jew il-Google Play Store.
Din l-għodda, li ilu jsir xogħol fuqha tul dawn l-aħħar sentejn, hija strutturata bħala kors u fiha 32 attività – li jibdew fuq livell elementari u jsiru progressivament iktar avvanzati, sabiex il-persuna titgħallem ħiliet bażiċi fil-qari u l-kitba tal-Malti.
Iċ-Ċavetta hija l-unika għodda eżistenti ta’ dan ix-xorta li hija speċifikament magħmula għall-adulti u ż-żgħażagħ. Hija bbażata fuq sett ta’ kotba li ġew magħmula mill-2008 mill-Paolo Freire Institute u li kienu frott ix-xogħol estensiv tal-NGO fil-qasam tal-edukazzjoni u l-litteriżmu fl-adulti.
L-għodda onlajn tgħin billi tippreżenta l-qari u l-kitba b’mod iktar attraenti liż-żagħżagħ, kif ukoll tħeġġeġ il-formazzjoni ta’ aktar ħiliet fis-settur tal-ICT fost l-anzjani.
Dan kollu sar fid-dawl li l-aħħar ċensiment, li sar fl-2011, kien wera li hawn madwar 24,000 persuna f’pajjiżna li ma jafux jiktbu jew jaqraw.
“L-aqwa edukaturi huma dawk li kellhom imorru kontra l-kurrent u fittxew nies li kellhom l-aktar bżonn” qal fl-okkażjoni il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo.
Huwa kompla billi saħaq fuq l-importanza li persuna tkun taf tikteb u taqra f’soċjetà moderna bħal dik tal-lum, u li din hija “ħila li tbiddel ħajtek u tagħtik ħajja ġdida.”
Iċ-Chairman tal-Vodafone Malta Foundation Michael Miceli qal li ‘Iċ-Ċavetta’ kien wieħed mill-ħafna proġetti li l-fondazzjoni qiegħda twettaq bħala parti mill-programm tagħha ‘Connecting for Good’ immirat lejn l-użu tal-mowbajls biex iġġib bidla soċjali.
“Aħna nemmnu li ċ-Ċavetta se tkun verament iċ-ċavetta għal opportunitajiet ta’ impjiegi, kunfidenza, benesseri u kwalità għolja ta’ ħajja”.