White Paper bl-isem ta’ ‘Nagħtu t-Tieni Ċans’ ġiet imnedija għall-konsultazzjoni pubblika mill-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Din ir-riforma għandha l-għan li dawk l-individwi li servew sentenza ta’ ħabs u kellhom imġieba tajba, jingħataw ċans aktar wiesgħa biex ikollhom impjieg diċenti, permezz ta’ ċertifikat li jixhed dan.
Il-Ministru Attard spjega li se jinħareġ ċertifikat supplimentari, flimkien mal-kondotta. Dan se jagħti stampa ċara tal-imġieba tal-individwu u min iħaddem ikun jaf ukoll dwar l-imġieba tajba tiegħu jew tagħha.
Sostna li reati mhux gravi se jitneħħew mill-kondotta, iżda jibqgħu jidhru fuq il-fedina penali.
“Ikun hemm dan il-bord li jagħmel rakkomandazzjonijiet neċessarji biex kemm jista’ jkun nassiguraw li ssir ġustizzja u dawk il-persuni li ġenwinament jixtiequ jirriabilitaw ruħhom b’suċċess fis-soċjetà tagħna jingħataw din l-opportunità.”
Il-Ministru Jonathan Attard
F’din il-white paper qed ikun propost li sentenzi ta’ aktar minn għaxar snin, li bħalissa jibqgħu jidhru għal għaxar snin fuq il-kondotta, issa l-perjodu jinżel għal ħames snin.
Sentenzi ta’ bejn il-ħamsa u l-għaxar snin, li bħalissa jitneħħew mill-kondotta wara ħames snin, qed jiġi propost li jitneħħew wara tliet snin.
Fil-każ ta’ sentenzi ta’ bejn sena u ħames snin, ir-riforma qed tipproponi li jitneħħew wara sentejn, minflok tliet snin kif inhi bħalissa. Propost ukoll li sentenzi ta’ inqas minn sena jitneħħew wara sitt xhur u sentenzi ta’ inqas minn sitt xhur jitneħħew wara tliet xhur.
DEWMIEN TA’ REATI MMARKATI FIL-KONDOTTA
SENTENZA | BĦALISSA | PROPOSTA |
10 SNIN + | 10 SNIN | 5 SNIN |
5 – 10 SNIN | 5 SNIN | 3 SNIN |
1 – 5 SNIN | 3 SNIN | SENTEJN |
INQAS MINN SENA | SENA | 6 XHUR |
INQAS MINN 6 XHUR | SENA | 3 XHUR |
Minbarra hekk, il-White Paper tissuġġerixxi li l-multi, li jkunu tħallsu, se jitneħħew mill-ewwel fil-kondotta.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg spjegat li ċ-ċertifikat se jingħata minn bord apposta li se jsegwi l-każi ta’ dawn il-persuni. Ġie ċċarat li individwu jitlef dan iċ-ċertifikat ta’ mġieba, jekk wieħed iwettaq reat wara li jkun ħareġ mill-ħabs.
Intqal ukoll li reati gravi bħal omiċidju u femiċidji mhux se jitneħħew mill-kondotta u mhux se jitbiddel xejn mill-fedina penali tal-Qorti.
“Dan qed ngħiduh għall-persuni li jkunu għamlu s-sentenza tagħhom il-ħabs, mhux qed nitkellmu dwar maħfra hawnhekk u għaldaqstant nemmnu li, b’dan il-feedback li ħa nkunu qed nirċievu, se naslu biex ikollna soċjetà Maltija, li mhux biss tagħder, iżda wkoll tagħti wkoll it-tieni ċans lil dawk li jkun ħaqqhom.”
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg
Is-Segretarju Parlamentari sostniet li, qabel ġiet ippubblikata din il-white paper, kien hemm konsultazzjoni preliminari.
Wieħed jista’ jsegwi jew jieħu sehem fil-konsultazzjoni pubblika, li se tibqa’ miftuħa sad-29 ta’ Mejju, fuq www.publicconsultation.gov.mt.